Mill-ewwel ta’ Marzu li ġej dawk li jixtiequ japplikaw jew iġeddu l-blue badge tagħhom jistgħu jagħmlu hekk mill-Aġenzija Sapport. Dan bħala parti mill-ħidma tal-Gvern sabiex is-servizzi kollha offruti lill-persuni b’diżabilità ikunu kollha taħt saqaf wieħed, u persuni b’diżabilità ma kollhomx bżonn jiġru minn post għall-ieħor.
Dan ħabbritu l-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli f’konferenza tal-aħbarjiet, fejn ħabbret ukoll kif is-sena l-oħra l-Gvern ħareġ aktar minn tlett elef u tminn mitt blue badge, filwaqt li ġedded mal-elfejn u erba’ mitt dokument ta’ dan it-tip.
Hija spjegat kif dan is-servizz huwa wieħed imprezzabbli, speċjalment għal dawk b’diżabilità.
“Huwa servizz li beda lura fl-elf disgħa mija tlieta u sebgħin u li qed naraw li jkompli jagħti dik l-importanza lil persuni b’diżabilità li jkollhom problemi bl-immobbiltà u li jkollha aċċess għall-parkeġġ li jkun riservat.”
Preżenti kien hemm ukoll il-Kummissarju tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Samantha Pace Gasan, li spjegat kif minn dan is-servizz mhux se jgawdu biss, dawk b’diżabilità.
“Għandek anzjani li ma jistgħux joħorġu mid-dar kieku mhux għall-Bliu Badge, u allura tfisser inqas iżolament u tfisser ukoll parteċipazzjoni soċjali fis-soċjetà tagħna. Tfisser ħafna affarjiet għal nies differenti.”
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Ruth Sciberras stqarret kif din l-aġenzija għaddejja b’ħidma ta’ simplifikazzjoni tas-servizzi għall-poplu Malti.
“Dejjem nespandu s-servizzi tagħna, speċjalment b’servizzi bħal dan, huwa tajjeb li jkun ġewwa Aġenzija Sapport biex is-CRPD tieħu dak l-irwol ta’ regolatur, u tara li ma jkunx hemm abbuż minn dan id-dokument. Ovjament aħna dejjem inkomplu bil-ħidma tagħna u dejjem nivvintaw proġetti ġodda f’isem il-persuni b’diżabilità.”