“Għalina l-politika hija għodda biex inwettqu l-ġid.” Dan kien is-sentiment ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt attività politika bħala parti mill-kampanja elettorali bit-tema “Is-Saħħa lill-Maltin” għall-elezzjonijiet li ġejjin.
Fil-fatt, f’din l-attività politika, il-Prim Ministru Robert Abela fakkar kif mill-Imsida ħarġu persuni bħal Ġuże Ellul Mercer, bi prinċipji favur il-ħaddiem. L-istess prinċipju li jħaddan b’tant saħħa il-Partit Laburista.
Dwar l-Imsida, Dr Abela tenna kif kif issa trid titlesta l-iskola l-kbira flimkien ma’ aktar proġetti ambjentali, fosthom dak ewlieni tal-Imsida Creek.
“Il-proġett li se jsir hawn irrevedejnih biex ikun jinkludi ġewwa fih spazju miftuħ li hu miftuħ huwa ferm akbar milli kellu jkollu qabel. Grazzi hawnhekk għall-insistenza u l-kontribut proattiv tal-Kunsill Lokali, grazzi lillkom minn qalbi. U dan tal-Imsida se jkun l-ewwel proġett infrastrutturali li jinkorpora ġo fih ftehim għall-għaxar snin minn meta jitlesta biex isir xogħol fih ta’ manutenzjoni. Jiġifieri mhux biss jitlesta l-proġett, imma niżguraw li meta jitlesta jinżamm fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni.”
Robert Abela – Prim Ministru
Sadanittant, il-Prim Ministru aċċenna għall-ħidma tal-Gvern Laburista favur il-ħaddiema, fosthom b’rati ta’ qgħad storikament fl-aktar livell baxxi, żieda ta’ impjiegi ta’ kwalità.
“L-ekonomija ta’ pajjiżna ħolqot impjiegi ta’ kwalità. Disgħa minn kull għaxar Maltin li daħlu fis-suq tax-xogħol f’dawn l-aħħar għaxar snin kienu managers, professjonisti jew nies li jokkupaw karigi tekniċi. Disgħa, qed nitkellmu minn kull għaxra ta’ żieda ta’ kariġi li kellna f’dawn l-aħħar għaxar snin.”
Robert Abela – Prim Ministru
Apparti minn hekk il-Prim Ministru semma wkoll il-politika ta’ stabbiltà li implimenta dan il-Gvern, fosthom anke billi żamm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli quddiem il-gwerer dinjin li ddominaw u l-isfida tal-pandemija.
Dan flimkien ma ħemel ta’ miżuri oħrajn fosthom iż-żieda fil-paga minima, ftehim li l-Oppożizzjoni li bbojkottjatu, iċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa u ħafna iktar.
“Għalhekk kif wegħdna fil-Manifest Elettorali se nkunu qed innaqqsu l-income tax biex ngħinu bis-saħħa lill-familji middle class li bdilna l-mod kif jgħixu f’dan il-pajjiż. Jekk qabel kienu jħallsu għat-trasport tal-iskola llum dak iħallsu l-Gvern, jekk qabel kienu jħallsu l-miżati tal-eżamijiet, illum dawk iħallashom il-Gvern. Jekk qabel kienu jħallsu għat-trasport pubbliku dak illum huwa b’xejn għal kulħadd u dak it-tip ta’ appoġġ mhux biss se nżommuh iżda se nżiduh. Iva żidna c-children’s allowance imma lill-ġenituri bit-tfal li jkomplu jistudja f’livell post-sekondarju, fi ftit jiem oħra se ntuhom l-ewwel pagament ta’ €500 fis-sena. L-ewwel minn 3 pagamenti ta’ €500 kull wieħed.”
Robert Abela – Prim Ministru
Hawn il-Prim Ministru rema wkoll ir-retorika tal-Oppożizzjoni dwar din l-għajnuna.
“U ħallihom jgħidu lil tal-Oppożizzjoni li qed tirċievu l-pagamenti għax ġejja elezzjoni. Niggarantilkom li s-sena oħra ma jkunx hemm elezzjoni u nagħtukom ferm aktar milli se nkunu tagħnikom sa issa.”
Robert Abela – Prim Ministru
Madankollu l-Prim Ministru appella li hekk kif ħaddieħor qed iwiegħed li jagħmel gwerra qaddisa kontra l-Laburisti, jistenna li flimkien inkomplu b’aktar ħidma maqgħudin u kalmi favur il-pajjiż.
“Aħna irridu nwegħdu li se naħdmu flimkien fi spirtu ta għaqda nazzjonali għal ġid tal-Għawdxin u l-Maltin kollha. Mela jekk inthom ukoll favur il-paċi, u mhux favur il-gwerra. Jekk inthom favur il-ġid u mhux il-ħsara. Jekk anke inthom favur pajjiżkom, u mhux favur l-establishment, kunu ponn wieħed maqgħud, kalmi, kalmi ħafna imma sodi biex nkomplu nagħmlu l-ġid. Se nkomplu nkunu l-forza tal-progress. Pajjiżna, l-pajjiż tas-suċċess flimkien. Is-saħħa lill-Misidjani, is-saħħa lill-Għawdxin, is-saħħa lill-Maltin.”
Robert Abela – Prim Ministru