“Fix-xhur li ġejjin se nkunu qed insawru l-viżjoni l-ġdida tagħna għas-settur soċjali sas-sena 2035 ibbażata fuq is-solidarjetà, u l-ġustizzja soċjali.”
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt konferenza bit-tema l-Istat tan-Nazzjon organizzata mill-Uffiċċju tal-President dwar il-progress tal-identità Maltija.
Fil-fatt, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li dan il-Gvern se jibqa’ jaħdem kemm jiflaħ kulħadd ikun kuntent jgħix f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal dan hekk kif irrefera għall-istħarriġ mill-Istatistiku Dr Vincent Marmara u li wera kif il-maġġoranza assoluta tal-Maltin jinsabu kuntenti li jgħixu f’pajjiżna.
Dr Abela sostna wkoll l-importanza tal-ugwaljanza għal Gvern Laburista bi prinċipji soċjali: “Għalina kulħadd huwa importanti, u għandu jkollu l-istess opportunità li jimxi ’l quddiem. Nemmen li mogħti l-opportunità u l-għodda kull Malti u Maltija kapaċi jagħti kontribut siewi lis-soċjetà.”
Il-Prim Ministru tenna wkoll l-importanza tal-ħidma fil-qasam volontarju mal-imsieħba kollha biex jiġu xprunati servizzi ġodda li l-għan aħħari tagħhom huwa li jnaqqsu l-faqar.
Hawnhekk Dr Abela rrimarka wkoll l-importanza li kulħadd ikun garantit il-bżonnijiet bażiċi tiegħu u li dawn jiġu salvagwardjati akkost ta’ kollox.
Il-Prim Ministru stqarr: “M’hemmx nazzjon b’saħħtu mingħajr is-serħan il-moħħ li għandek dar diċenti, mgħammra b’dak li teħtieġ illum biex tlaħħaq mad-dinja ta’ madwarek.”
Dwar l-edukazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li hemm bżonn qabżiet kbar f’dan il-qasam sabiex jibqa’ jkun hemm titjib tal-ħiliet li jirriflettu r-realtajiet f’dinja moderna.
Fil-fatt sostna li spiċċa ż-żmien li naħsbu li l-edukazzjoni tispiċċa malli nitilqu mill-bankijiet tal-iskola u b’hekk l-importanza tat-taħriġ proattiv.
Il-Prim Ministru tenna li għall-Gvern, il-qasam soċjali jfisser ukoll li jiġu salvagwardjati l-anzjani. Dan fost oħrajn biż-żieda fil-pensjonijiet.
Dr Abela saħaq: “Huwa minnu li forsi bħala Prim Ministru jien mistenni nitkellem dwar il-viżjoni l-kbira, dwar il-proġetti miljunarji. Iżda, huma dawn fost l-iktar esperjenzi li jħassbuni u jolqtuni meta niltaqa’ man-nies. Ikollok każi fejn anzjani jgħidulek kemm apprezzaw iż-żieda fil-pensjoni, iżda fl-istess ħin kemm għandhom dwejjaq għax iħossuhom waħedhom. Għalija dan kollu jorbot mal-kwalità tal-ħajja.”
Madankollu l-Prim Ministru temm jgħid li dan kollu xorta jibqa’ mhux biżżejjed.
Huwa appella sabiex kulħadd jibqa’ joħlom u jirsisti filwaqt li affaċċjati minn sfidi differenti ma naqtgħux qalbna: “Dak li jagħmilna Maltin u Għawdxin. Din ir-rieda li ma nieqfux noħolmu u nirsistu għal futur aħjar. Li ma naħsbux biss f’dak li ksibna aħna, imma li qalbna ma tħalliniex nabbandunaw lil dawk madwarna. Li minkejja ċ-ċokon tagħna, quddiem l-isfidi ma naqtgħux qalbna, imma nqawwuha aktar. Li minkejja d-differenzi ta’ bejnietna, meta naraw l-bajda u ħamra tperper, ningħaqdu flimkien b’rieda li nagħmlu ġieħ lin-nazzjon tagħna. Magħqudin, flimkien, nistgħu nibnu prosperità ġdida.”
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/06/04/illum-il-mira-ghandha-tkun-li-nilhqu-l-quccata-il-pm/