Erbat’ijiem ilu, Joseph Galea irriżenja b’mod uffiċjali minn kunsillier Nazzjonalista, biex issa huwa kunsillier indipendenti.
“Mentally, imkisser…li hu ċert hu li l-Partit Nazzjonalista għalija huwa ħaġa tal-passat” stqarr magħna Joseph, li mhux minnu li rriżenja minħabba ‘raġuni personali’, kif qal il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija l-għada tar-riżenja tiegħu.
Ilu jaħdem fil-Partit Nazzjonalista 45 sena, iżda dak li esperjenza minn erba’ snin ilu ‘l hawn ħallieh imweġġa’.
Jgħidilna li l-antipatija lejh bdiet meta f’pajjiżna kien hawn kampanja dwar l-introduzzjoni tad-divorzju. Galea kien jemmen bi sħiħ li f’Malta għandu jidħol id-divorzju, iżda dan xejn ma niżel tajjeb ma’ sħabu, dak iż-żmien tal-partit tiegħu. L-istess bħal ma’ opponew għall-mod li bih Joseph ma kien jiddejjaq xejn jidħol fil-Każin Laburista, għaliex hemm ħassu milquh.
Jemmen li fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, mhux talli ma kienx favorit, talli l-Partit żamm lura milli jtih il-viżibilità meħtieġa biex ikun elett. Minkejja dan, Joseph li huwa eks viċi sindku, kien maħbub biżżejjed fir-raħal u kien elett biex iservi għal darb’oħra.
Passi li ħa Joseph meta kien elett l-aħħar darba, bħal ngħidu aħna kontra l-vandaliżmu, ma niżlu popolari xejn. Jgħidilna li l-Partit Nazzjonalista ma ħarisx lejn l-att innifsu, iżda lejn l-uċuħ, u ta’ dan sofra Joseph.
Iżda l-qofol intlaħaq meta ibnu Garth kien nominat mill-Kunsilliera l-oħra stess, għal Ġieħ Ħal Balzan. Titlu li l-ewwel kienu se jtuħ, imbagħad, f’deċiżjoni li ttieħdet barra l-Kunsill u li allura mhux valida, iddeċidew kontra.
Jekk dan ma kienx biżżejjed, Joseph jirrakkonta l-mument li sakkruh barra mill-uffiċju li kien ilu jaħdem minnu snin twal, mingħajr l-iċken turija ta’ rispett lejn il-ħidma tiegħu fi ħdan il-Partit tul is-snin.
F’dan il-filmat Joseph jirrakkonta kemm kienet qarsa l-esperjenza li kellu jgħaddi minnha.
https://www.youtube.com/watch?v=_5syUeRa-RU