Sitt xhur mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għadu mhux magħruf jekk il-Maġistrat responsabbli mill-inkjesta tal-qtil tagħha segwiex it-talba li għamlet il-Pulizija Maltija biex jinkiseb l-aħħar laptop li kienet qiegħda tagħmel użu minnu l-blogger.
Rapport ippubblikat il-Ħadd fil-ġurnal malta today żvela li jiem wara l-qtil ta’ Caruana Galizia, il-pulizija kienu talbu lill-Maġistrat Anthony Vella biex jiġbor il-laptop li kienet qiegħda tuża Caruana Galizia.
Madankollu għad mhux magħruf jekk dan il-laptop inġabarx bil-Maġistrat jgħid li ma jistax jikkummenta meta mistoqsi jekk talabx il-laptop lill-familja ta’ Caruana Galizia.
Waqt li kkonferma t-talba li saritlu mill-Pulizija fil-qorti fejn talbuh jieħu fil-pussess tiegħu l-laptop u kull informazzjoni li tista’ tgħin fl-investigazzjoni, il-Maġistrat Vella qal li ma setax iwieġeb għax l-investigazzjoni min-naħa tiegħu għadha pendenti. It-talba saret wara li l-pulizja ntebħu mill-ewwel li l-laptop li ġabru mid-dar tagħha kien antik u ma kellu l-ebda informazzjoni riċenti.
Hu mifhum li l-aħħar laptop li kienet tuża Caruana Galizia għandu tagħrif importanti dwar l-investigazzjoni.
Fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra t-tliet akkżuati mixlija bil-qtil tal-blogger, l-espert tal-Qorti Alfred Cardona qal li l-uniku laptop li ngħata biex janalizza kien dak li Daphne Caruana Galizia kienet tuża sal-2015.
F’Diċembru li għadda, l-Ispettur Kurt Zahra xehed li fuq ix-xena tad-delitt ma nstabu l-ebda traċċi ta’ xi laptop. Huwa mifhum li dan il-lap top intuża għall-aħħar darba fid-dar tagħha fil-Bidnija.
Il-MaltaToday staqsiet lil Dr Peter Caruana Galizia, ir-raġel ta’ Caruana Galizia dwar jekk il-laptop hux fil-pussess tal-familja iżda ma riedx iwieġeb.
“Mhux qed inwieġeb mistoqsijiet. Mhux nagħmel intervisti,” qal Dr Peter Caruana Galizia anke jekk familtu l-aktar uliedu jikkummentaw il-ħin kollu u għaddejjin b’kampanja jitkellmu dwar il-każ madwar l-Ewropa.
Bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hemm tliet persuni akkużati u l-pulizija Maltija li ħejjiet flimkien ma’ esperti barranin għandha każ b’saħħtu. Iżda, persuni midħla tal-investigazzjonijiet jgħidu li l-laptop riċenti jista’ jkun importanti anke biex ikun stabbilit il-motiv wara l-qtil.
Intant b’reazzjoni għal dan l-iżvilupp importanti li ħareġ fil-qorti, fl-aħħar sigħat tfaċċaw għadd ta’ strixxuni jistaqsu għaliex xi ħadd qiegħed jaħbi l-laptop ta’ Daphne li jista’ jkun kruċjali biex bħalma nqabdu u tressqu l-qorti l-allegati qattiela, jinqabdu wkoll il-mandanti tal-qtil tal-istess blogger.