Meta wieħed ikun se jixtri xi kelb jew qattus li jkun pur ta’ sikwit jistaqsi għall-pedigree. Imma għalxiex tali ċertifikat hu importanti?
Dwar dan tkellimna mad-Direttur tal-Animal Welfare, Joseph John Vella, waqt it-tnedija tar-regolamenti l-ġodda li se jibdew jipprojbixxu ż-żamma u t-tnissil ta’ klieb tar-razez bully li ma jkunux puri.
“Id-dokument tal-pedigree hu wieħed li jkun maħruġ minn Kennel Club li hu rikonoxxut b’mod uffiċjali u dan id-dokument ikun juri d-dixxendenza tal-kelb. Jiġifieri dan ikun qed juri min huma l-omm u l-missier tal-kelb li huma wkoll puri bil-pedigree u jasal għal numru ta’ ġenerazzjonijiet. Dan id-dokument ikollu numru ta’ dettalji tal-kelb bħar-razza tiegħu, isem is-sid, isem il-breeder min kien, in-numru tal-mikroċippa li tidentifikah u jkollu wkoll il-kulur tal-coat tiegħu.”
Minbarra hekk, numru ta’ kennel clubs fil-pajjiż saħansitra jesiġu li jsiru testijiet tad-DNA biex ikun hemm aktar informazzjoni dwar il-purità tal-kelb. Dan filwaqt li jingħataw taħriġ sa minn età żgħira biex il-kelb jiffamiljarizza ruħu mal-ambjent ta’ kuljum.
“Imbagħad għandek training fuq numru ta’ xhur biex jobdi commands, biex imur iktar tajjeb m’annimali oħrajn, biex ikun jaf kif imur man-nies biex ikunu mdorrijin anke fl-ambjenti differenti. Pereżempju toħorġu dawra jekk jisma’ ħorn ta’ karozza mhux jibda jinbaħ. Jiġifieri meta inti għandek il-kennel clubs involuti għandek assigurazzoni li hija ferm akbar.”
Lil hinn mill-pedigrees, li jikkonfermaw li l-annimal ikun wieħed pur, l-Animal Welfare tieħu ħsieb ukoll inizjattiva ta’ tiswija b’xejn għal diversi annimali.
Din l-inizjattiva, bdiet sena ilu għal qtates tat-triq fejn diġà ssewwew mal-erbat elef qattus. Din is-sena l-inizjattiva ġiet estiża wkoll għal numru ta’ klieb, fosthom dawk li jkunu f’żoni rurali, bħal irziezet u għelieqi.
“Minbarra hekk għall-persuni privati li għandhom kelb li bħala tip hu magħruf bħala bully breed, jiġifieri qed nitkellmu fuq għoxrin razza li identifikajna fil-liġi u wkoll il-crosses tagħhom. Wieħed jista’ jagħmel appuntament u jsewwi l-kelb. Ovvjament meta kelb ħa jkun imsewwi l-kelb ħa jikkalma wkoll.”
It-tiswija tal-klieb hi marbuta wkoll ma benefiċċji ta’ saħħa, fosthom għax jiġu evitati ċerti tipi ta’ kanċer, tumuri u mard jew imġieba relatati mat-tnissil.