“Għaliex m’għandix ħbieb?”
Din hija l-mistoqsija li qasmet il-qalb ta’ missier, ta’ żagħżugħ ta’ sbatax-il sena bl-awtiżmu.
Fil-Jum Dinji li jqajjem kuxjenza dwar l-awtiżmu, Jason Mizzi tkellem ma’ ONE News u qasam l-emozzjonijiet tiegħu meta ibnu għamillu din il-mistoqsija.
Qal, “Kont naħseb li t-tifel ma jagħtix kas, li m’għandux l-abbilità bħal ħaddieħor, għax kont narah dejjem happy, kuntent. Sakemm darba qalli kelma, li qatt ma stennejt li ħa jgħidli. Konna qegħdin, niftakar il-baħar, hu kien qiegħed ħdejja u kien qed jara żgħażagħ, jieħdu pjaċir ħdejn il-baħar. U fost l-oħrajn dar fuqi, qalli ‘Daddy, why don’t I have friends?’ u dak il-ħin ixxukkjani. Affarijiet li dejjem inkwetajt fuqhom, imma kont naħseb li hu ma jagħtix każ u jien ninkwieta fuqhom.”
Huwa stqarr magħna li l-akbar biża’ li għandu, huwa l-futur ta’ ibnu.
Stqarr, “Allura dejjem ninkwieta. Bla ma trid tgħidha, x’ħa jsir minnu meta il-ġenituri tiegħu jiġu neqsin?”
Madwar erba’ snin ilu, nibtet il-ħolma li flimkien mal-band tiegħu ‘Different Minds’, iħarbex il-versi ta’ kanzunetta mill-perspettiva ta’ persuna bl-awtiżmu, bl-għajnuna ta’ bintu.
Il-kanzunetta bl-isem ‘Different not Less’ hija ispirata wkoll mill-islogan abbinat ma’ dan il-jum.
Il-kantant tal-band u l-kompożitur ta’ din id-diska, Robert Galea, qal li l-kanzunetta mhix tad-dwejjaq, għaliex nies bl-awtiżmu mhumiex imsieken. Huwa spjega li l-filmat huwa mżewwaq ukoll bil-kuluri li jirrappreżentaw l-awtiżmu.
Qal, “Ma kellix esperjenza ma’ dawn it-tfal. Fil-fatt meta konna qed niġbdu l-video, kien hemm dawn it-tfal magħna, u ovvjament anke demgħa minn għajnejja qabżitli.”
Bosta studenti taċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Wardija, ħadu sehem fil-filmat.
Il-missier stqarr li sbatax-il sena ilu, meta sar jaf li ibnu għandu l-awtiżmu, huwa ma kienx jaf x’jiġifieri, tant li ħaseb li din hi xi ħaġa li għad jikber minnha. Illum, qalilna li issa hawn aktar għarfien.
Tenna, “Meta jiena, sbatax-il sena ilu qaluli bil-kelma autism, ma kontx naf x’inhi. Ħsibtha xi kundizzjoni li forsi la jikber, joħroġ minnha. Illum il-ġurnata, l-autism kulħadd jaf biha.”
Huwa temm jgħid li nies bl-awtiżmu mhumiex imsieken, għax ma juru xejn ħlief imħabba.
Sostna, “Tant huma jarmu mħabba dat-tfal, tant huma sempliċi u innoċenti, u mħabba biss, li ngħidlek kieku d-dinja kienet kollha bħalhom, m’għandniex gwerer.”