Anke f’dan il-jum tidħol id-differenza f’dik li hi tradizzjoni minn raħal għall-ieħor jew minn belt għall-oħra. In-Naxxar huwa wieħed mill-eqdem irħula li beda jorganizza l-purċissjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa f’Malta.
Fl-1750, fin-Naxxar kienet diġà kienet toħroġ purċissjoni f’dan ir-raħal antik. Wieħed mill-mastri ta’ dak iż-żmien kien Saverio Laferlo li fin-Naxxar ħalla l-marka tiegħu wkoll. Sal-1753 kien ħadem numru ta’ vari fosthom ir-Redentur li llum joħrog ħmistax qabel id-Duluri u li għandu wiċċ uniku. Bosta jsostnu li jixbaħ sew lil dak tal-Isla; infatti aktarx sar mill-istess artist.
L-Ecce Homo li ġie rrestawrat ftit ilu ukoll kienet statwa magħmulha minnu. Illum il-ġurnata din l-istatwa tintrama ħdejn l-artal ta’ San Ġużepp.
Attrazzjoni speċjali fin-Naxxar hija l-libsa unika u sħiħa li tilbes il-Knisja Arċimatriċi; id-damask iswed kif ukoll il-filoxxi u l-armi fil-ġnub b’simboli marbuta mal-passjoni ta’ Sidna Gesù Kristu. Ornamenti li ssibhom biss fin-Naxxar.
Bhal-lum wieħed mill-ifjen korijiet Maltin Jubilate Deo taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Christopher Muscat janima l-funzjoni tal-ħasil tar-riġlejn li tiġi ċċelebrata mill-kleru flimkien mal-Arċipriet li huwa Naxxari u wkoll il-Kappillan tal-Ordni ta’ San Ġwann; Dun David Gauci.
Waqt li tkun fil-knisja ma tistax ma tinnotax is-sengħa Naxxarija; dik tal-ħaddieda u apparti s-sbuħija li tista’ tgawdi dejjem matul is-sena bħall-kanċell quddiem l-artal maġġur, tista’ tara wkoll il-kandilabru magħruf bħala barabbas li huwa kollu ħadid. Is-sengħa kienet kbira u biex ħadida teħel ma’ oħra ma kinitx issir kif ġieb u laħaq iżda b’sistema antika li l-ħadida titwaħħad ma’ oħra fil-forġa. It-toroq Naxxarin jirrakontaw din is-sengħa li min jaf kemm semgħu l-ħoss sabiħ tad-daqqiet fuq l-inkwina.
Ma jonqosx il-Monument uniku, mirqum u li sar fl-1882 mill-artist Pawlu Bugeja. Miegħu naraw erba’ anġli li dejjem kienu attribwiti lil Karlu Darmanin. Is-sabiħ ta’ dan il-Monument hu li jinġarr fuq l-ispalla b’żifna melodjuza mal-marċ funebru popolari ċ-ċipresso u l-faldrappa bellusija ħamra lewn id-demm li tinġarr minn erba’ paġġi ħelwin li jkunu tfal; lebsin ta’ kavallieri b’ilbies vistuż iswed.
Fl-istess knisja għadha tispikka l-ġabra, id-dedikazzjoni mis-sagristan zgħir u ħabrieki Godwin Gauci flimkien ma’ tim ta’ nies li għandhom għal qalbhom mhux biss it-tradizzjoni, iżda lill-Mulej. Ix-xogħol u l-ħin li tirrikjedi knisja armata bħal din huwa kbir. Fl-istess paroċċa ghadek tisma’ ċ-ċuqlajta li qed tinqata’ bil-mod. Għadek ixxomm ir-riħa tal-borma tradizzjonali li ssir maġenb is-sepulkru jew kif inhu suppost imsejjaħ: L-artal tar-ripozizzjoni.
Fl-istess lokalità insibu żewġ każini tal-baned attivi li t-tnejn għandhom wirjiet fini minn xogholijiet Naxxarin u faċċati armati minn artisti magħrufa; dik tal-Banda Vittorja tizzanżan din is-sena.
Issib ukoll wirjiet magħrufa li inutli jissemmew kollha għax huma bosta; jispikkaw dik ta’ Joe Gerada fi Triq Korfu, t’Abaraham Bellia fi Triq l-Iskola Primarja, ta’ Rino Falzon fi Vjal il-21 ta’ Settembru u tal-animazzjoni fuq livell life size fi Triq l-Ibjad fis-Sħajtar. Il-Kunsill Lokali Naxxari ukoll jagħti sehemu f’din il-festa billi jippubblika direttorju lokali tal-wirjiet u l-attivitajiet li wieħed jista’ jgawdi fin-Naxxar; ir-raħal tal-ewwel twemmin (Prior Credidi)
Ma ninsewx; fin-Naxxar il-parkeġġ mhux problema. Jekk wiehed jipparkja fit-Trade Fair grounds fejn issib spazju kemm trid, tgħaddi minn Triq il-Markiż Scicluna li mhix il-bogħod miċ-ċentru għalkemm bosta jaħsbu hekk u tiżbokka fil-pjazza bil-Knisja imponenti ddedikata lil Marija Bambina.