Il-Gvern Malti immexxi minn Dr Robert Abela huwa l-uniku tarka li l-ħaddiema u l-famiji tagħhom għandhom preżentament. Dan il-Gvern Laburista qiegħed kontinwament jissielet mal-Unjoni Ewropea u t-tfixkil tal-Partit Nazzjonalista li jinsistu sabiex iwaqfu s-sussidju fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma li qed jingħata lil familji Maltin u Għawdxin. Dan kollu ġie kkonfermat mill-istess Prim Ministru waqt attivita’ politika il-ġimgħa li għaddiet. Għal kuntrarju ta’ kif jixtiequ l-oppożizzjoni u l-Unjoni Ewropea, il-Gvern se jibqa’ jissussidja il-prezzijiet tal-enerġija.
Din il-miżura hija ferm importanti mhux għal familji biss, iżda ukoll għal negozzji u investiment f’pajjiżna. Jekk wieħed imur lura fi żminijiet ta’ qabel l-2013, għal kuntrarju tal-llum, ma kellniex Gvern li jerfa’ l-piżijiet hu, iżda kelna Gvern li kompla jżid il-piżijiet fuq il-familji u negozji. Din is-sitwazzjoni ħolqot inċertezza kbira fil-familji Maltin u Għawdxin u fin-negozji, li dejjem xtaqu li jkun hemm stabbilita’ li tippermettilhom ikomplu iżiedu l-investiment tagħhom f’din il-gżira Maltija.
Grazzi għal ħidma tal-Partit Laburista , illum qegħdin ingawdu minn tkabbir ekonomiku bla ebda preċedent, għandna l-ogħla surplus li qatt kellna. Minkejja dan kollu l-Gvern qiegħed kontinwament jaħdem għal aktar prosperita’ għal Malta u Għawdex. Dan jikkuntrasta mall-atteġament passiv li ħadet l-oppożizzjoni fejn sfortunatament lanqas kellha l-ħeġġa li tippublika manifest serju għal elezzjoni tal-Parlament Ewropew, saħansitra ikkonċentrat il-kampanja tagħha f’kampanja negattiva li tinstiga l-firda.
Dan il-Gvern ma waqafx fl-aspett ekonomiku, iżda kompla jistinka biex jagħmel differenza anke fl-aspett soċjali. Meta wieħed jikkunsidra iż-żidiet fil-paga minima, iż-żidiet fil-pensjonijiet, iż-żidiet fic-children’s allowance, flimkien ma’ miżuri oħra, dawn kollha qed jgħinu il-faxex żgħar fis-soċjeta’ tagħna. Dawn il-miżuri kollha waslu ukoll sabiex faxex li setgħu kienu fir-riskju tal-poverta’, illum ħarġu minn dan ir-riskju.
Dawn il-miżuri huma parti minn katina sħiħa ta’ inizzjattivi soċjali li dan il-Gvern qiegħed kontinwament jimplimenta bħala parti mill-elf miżura tal-manifest elettorali. Il-fatt li illum għandna ukoll trasport pubbliku b’xejn, eżamijiet tal-Matsec b’xejn, u child care centres b’xejn, ikompli jikkonferma kemm dan il-Gvern, mhux biss ikompli jħalli flus fil-bwiet tan-nies, iżda fil-verita’, għandu viżjoni li jkompli jgħolli l-kwalita’ tal-ħajja ta’ uliedna u l-familji Maltin u Għawdxin.
Il-ħidma ta’ dan il-Gvern, kif imħabra mill-Mexxej Robert Abela, se tkompli għaddejja, mhux biss fl-aspett ekonomiku u soċjali, iżda ukoll dik ambjentali. Infatti, il-Gvern Laburista qiegħed joħloq varji spazji miftugħa fl-ibliet u l-irħula tagħna sabiex ikollna ambjent aħjar fejn il-familji ikunu jistgħu iqattgħu ħin flimkien ta’ rikrejazzjoni fil-viċinanzi tad-djar tagħhom.
Meta wieħed jarbel dan kollu, nemmen li hija naturali li l-għażla taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin fit- 8 ta’ Ġunju, hija bla dubju il-Partit Laburista. Partit li kontinwament kien preżenti fil-ħajja tagħna u minkejja l-pandemija u preżentament żewġ gwerer, huwa l-unika tarka tal-Maltin u l-Għawdxin. Il-Gvern Laburista qiegħed ikompli li huwa l-uniku partit li għandu vizjoni ċara għal pajjiżna. Huwa ċar li l-kandidati tal-Partit Laburista huma l-uniċi li jistgħu jaħdmu b’ ġenwinita’ favur l-interessi tal-Maltin u Għawdxin. Fit- 8 ta’ Ġunju, l-għażla hija waħda ċara, ivvota lil min kien hemm dejjem għalik.