Fil-Qorti Vincent Borg qal kif kulħadd jaf li Jason Azzopardi kien imur Portomaso, li hija l-lukanda tal-grupp ta’ Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Vincent Borg magħruf bħala Ċensu l-Iswed u kanvasser ta’ Adrian Delia stqarr li huwa kien qed jeżerċita d-dritt tiegħu bħala tesserat tal-Partit Nazzjonalista. Din kienet l-ispjegazzjoni li ta l-attivist Nazzjonalista li jappoġġja lill-eks kap Nazzjonalista hekk kif deher fil-Qorti wara li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fetaħ proċeduri ta’ libell fil-konfront tiegħu. Dan wara li kien kiteb tlettax-il mistoqsija fuq Facebook li waħda minnhom kienet indirizzata direttament lejn Jason Azzopardi. Huwa kien staqsieh jekk qattx uża Portomaso biex jiltaqa’ ma’ mara tax-xogħol.
Borg spjega li huwa qatt ma offendieh u kien iddefenda lil Jason Azzopardi huwa u dieħel u huwa u ħiereġ mid-Dar Ċentrali hekk kif kien jagħmel ma’ kull deputat.
Meta kien mistoqsi mill-Maġistrat għaliex kien għamel il-mistoqsija libelluża, Ċensu wieġeb li bħala membru ttesserat tal-Partit huwa ħassu intitolat li jistaqsi.
Meta l-avukat tiegħu staqsieh fil-Qorti għaliex kien semma’ din il-lukanda partikolari huwa wieġeb “Għaliex Azzopardi kien ikun hemm. Mhux kulħadd jaf?”