“Ma ridtx nirrapporta l-abbuż sesswali li sar fil-konfront tiegħi għaliex bdejt nistħi minni nnifsi u ma ridtx nagħmel ħsara fuq ħajjet persuna oħra”. Stqarret dan l-attriċi u mudella Cara Delevigne wara li eluf ta’ nisa qalu l-istorja tagħhom bil-hashtag WhyIDidntReport.
Kollox beda meta Donald Trump innomina lil Brett Kavanaugh fil-Qorti Suprema tal-Istati Uniti, l-ogħla Qorti fl-Amerika. Hekk kif ħarġet din l-aħbar, tfaċċaw diversi rapporti fil-midja dwar allegat abbuż sesswali minn Kavanaugh fuq diversi nisa. Uħud mill-każiijiet saru meta dan kien għadu żagħżugħ.
Donald Trump ħareġ jattakka lil dawn in-nisa għaliex ma rrappurtawx l-abbuż hekk kif sar. Minn hawn, bosta nisa qassmu l-esperjenza tagħhom fuq Twitter, fosthom l-atturi Ashley Judd u Mira Sorvino.