Ninsabu f’Ġunju, iżda minflok ngħidu kemm hi sħana, qed ngħidu kemm hi xita.
L-Uffiċċju Meteoroloġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta spjega lil ONE News li t-temp li qiegħed jolqot lill-gżejjer Maltin bħalissa huwa kawża ta’ sistema ta’ pressjoni baxxa, li minn fuq il-Libja qiegħda testendi lejn iċ-ċentru tal-Mediterran.
Din is-sistema qiegħda twassal għal temp imsaħħab u bix-xita, b’ċerti lokalitajiet f’Malta u Għawdex jintlaqtu wkoll minn ħalbiet ta’ xita bir-ragħad. Dan it-temp huwa mistenni jippresisti sa għada.
Ir-riħ illum huwa pjuttost qawwi sa qawwi (Forza 5-6) mil-Lvant se jżid għal qawwi (Forza 6) u jdur mill-Grieg il-Lvant matul il-jum.
Fil-fatt, l-Uffiċċju Meteoroloġiku ħareġ twissija ta’ riħ qawwi għaż-żoni esposti kollha madwar il-gżejjer Maltin.
L-Uffiċċju Meteoroloġiku spjega li x-xita u l-maltemp mhumiex xi ħaġa rari għal Ġunju. Filwaqt li n-norma klimatika tax-xita għax-xahar ta’ Ġunju hija ta’ 6.0mm, jekk naqbdu dawn l-aħħar 30 sena, Ġunju 2007 kien l-aktar wieħed imxarrab b’76.2mm xita, segwit minn Ġunju 2016 bi 32.8mm xita. F’Ġunju 2023, sa issa tkejlu 1.4mm xita.
X’temp se jkollna din il-ġimgħa?
Se jkollna temp imsaħħab b’ħalbiet ta’ xita iżolati, bir-riħ mistenni jbatti għal moderat sa qawwi (Forza 4-5) sa filgħaxija u jkompli jnaqqas matul il-lejl (Forza 3). L-Erbgħa sejkollna jum xi ftit imsaħħab b’riħ ħafif, u temp sabiħ nhar il-Ħamis.
Ritratt: rmets.org