Tul dan l-aħħar xahar beda jiġi implimentat proġett pilota li qed jara għalf ġdid jingħata lit-tonn fl-irziezet tal-ħut bl-għan ewlieni hu li jitnaqqas għal kollox it-tniġġis fl-ibħra Maltin.
Dan l-għalf ġdid se jservi ta’ għajnuna biex filwaqt li jżomm il-kwalità fil-prodott tat-tonn, inaqqas it-tniġġis u dak li ħafna drabi jiġi riferut bl-ingliż bħala ‘slime’ li joħroġ mill-irziezet tal-ħut.
Fil-fatt, dan il-proġett pilota beda mill-ewwel iħalli riżultati pożittivi bir-riżultat finali se jkun ikkonfermat aktar tard din is-sena.
L-espert fuq l-Akwakultura, Dr. Robert Vassallo Agius, spjega kif dan il-proġett se jkun qed iħalli l-frott. Hawn huwa rrefera għall-ewwel prova meta ngħata l-għalf, li saret bl-assistenza ta’ Sustainable Kinetics, kumpanija Amerika esperta fl-industrija tal-akwakultura fejn tipprovdi soluzzjonijiet sostenibbli għat-tkabbir tal-ħut fl-irziezet.
Qal, “Qed nutilizzaw ikel immanifatturat barra li huwa magħmul speċifikament għat-tonn ħalli nkunu nistgħu nużawh u ngħalfu bih u dan ma jerħix żjut fil-baħar ta’ madwarna. Nistgħu ngħidu neliminaw il-problema tal-islime. Dan l-ikel fih ħafna sustanzi u fih in-nutrijenti kollha meħtieġa biex it-tonn jikber u jiżviluppa kif suppost qishu qed jiekol il-bait fish.”
Spjega kif dan it-tip ta’ għalf ma joħroġx minnu żjut jew tipi oħra ta’ nutrijienti li jniġġsu l-baħar. Minkejja dan jipprovdi nutrijenti aqwa għat-tonn fejn huwa tliet darbiet aktar nutrittiv minn għalf ieħor.
Qal, “Ħaġa importanti li nsemmu hi li l-ikel immanifatturat huwa aktar effiċjenti hekk kif għandu effiċjenza ta’ erba’ darbiet aktar minn meta jingħata l-bait fish bħala għalf u għalekk inkunu qed nibbenefikaw ħafna vantaġġi pożittivi biex l-irziezet tal-ħut ikunu jistgħu jimxu ‘l quddiem aktar sostenibbli. ”
L-għalf jista’ jinbidel skont il-bżonnijiet tat-tonn kemm f’att ta’ vitamini kif ukoll f’att ta’ kura.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u l-Benesseri tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, qalet kif il-Gvern jinsab kommess biex jinstabu soluzzjonijiet dejjiema sabiex tiġi assigurata s-sostenibbiltà tal-ibħra tal-gżejjer Maltin u Għawdxin.
Qalet, “Ninsab ferm kuntenta li qed naraw dan l-esperiment xjentifiku fejn qed jiġi ttestjat għalf ġdid tat-tonn. Għalf li meta ġie ttestjat f’pajjiżi oħra wera kif dan beda jnaqqas l-ammont ta’ żjut fl-ibħra tagħna.”