Wara li b’direttiva tal-Gvern ingħalqu postijiet pubbliċi bħal gyms biex ikun ikkontrollat it-tixrid tal-Coronavirus f’Malta, numru ta’ gyms qed joffru gwidi online biex klijenti attwali u dawk ġodda jkunu jistgħu jagħmlu eżerċizzju fiżiku kuljum mid-dar.
Is-sid ta’ gym u kowċ Mariano Farrugia spjega li fost l-oħrajn fuq is-siti elettroniċi joffru gwidi tal-eżerċizzju u tad-dieti personalizzati.
Fisser ukoll l-importanza li f’dan iż-żmien, dak li jkun xorta jżomm mar-rutina tiegħu biex kemm jista’ jkun il-ħinijiet tal-ikel u tal-eżerċizzju ma jinbidlux.
“Hemm ħafna eżerċizzji u hemm ħafna informazzjoni, anke aħna fuq l-website tagħna noffru ħafna informazzjoni b’xejn għal dawk il-klijenti li jixtiequ jagħmlu l-eżerċizju d-dar. U importatnti għax meta għandek ċirkolazzjoni tad-demm aħjar jkollok immune system b’saħħita iżjed biex tikkumbatti dan il-virus.”
Farrugia spjega wkoll għalfejn kienet deċiżjoni importanti li l-GYMs jingħalqu.
“Hija sitwazzjoni kritika ħafna. Ġifieri m’hemmx option għalija jew xi ħaġa li tista’ tgħid forsi ħa nagħmel xi ħaġa oħra. Jiena nemmen li bilfors għandhom jingħalqu. Infatti aħna għalqna qabel ma ħarġet id-direttiva tal-Gvern. Din hija sitwazzjoni kritika ħafna li wieħed għandu jifhima u jinforma ruħu u bilfors iridu jingħalqu ċertu affarijiet.”
Farrugia temm jappella lil dawk li se jsegwu l-gwidi tal-eżerċizzju fiżiku online biex isegwu l-istruzzjonijiet li jingħatawlhom biex ma jweġġgħux.