Kull min għandu tfal subien jew jagħmilha ftit magħhom jaf x’faxxinu għandhom lejn l-affarijiet jisplodu.
Tifel Awstraljan ta’ 12-il sena, li għalissa jidher imfejjaq mill-kanċer, tħalla jaqta’ xewqtu li “jisplodi affarijiet” flimkien ma’ Korp tal-Pulizija. L-organizzjazzjoni Make-A-Wish tal-Awstralja organizzat din il-ġurnata speċjali għal Declan, li ħariġlu kanċer is-sena li għaddiet.
Declan ittieħed fil-facilità tat-taħriġ tal-Pulizija, ipparteċipa f’eżerċizzju ta’ missjoni ta’ salvataġġ u hemm sploda diversi esplussivi.
Lil hinn mill-isplużjonijiet, huwa kellu opportunitajiet oħra ferm inqas preikolużi. Infatti ngħata attenzjoni speċjali mill-Prim Ministru tal-Awstralja Malcolm Turnbull.
“Declan ma tantx kien qed iħossu tajjeb dan l-aħħar iżda illum ingħata ċ-ċans li jpoġġi fis-siġġu tal-Prim Ministru u żar ukoll il-kamra tal-kabinett qabel ma ngħata ċ-ċans li jesplora l-Parlament” qal Turnbull.
Omm Declan qalet li hi taħseb li x-xewqa differenti li kellu t-tifel tagħha kienet mod kif hu xtaq jagħmel xi ħaġa differenti u jaħrab ftit mir-realtà tal-kanċer.