Għat-tieni sena konsekuttiva, bl-iskop li jkompli jiġi promoss il-volontarjat fost il-komunitajiet lokali u li titrawwem dejjem aktar kultura ta’ inklużjoni, tnediet l-Iskema ‘Komunitajiet Aktar Inklussivi’ għas-sena 2025.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti Anthony Gatt fil-maħżen tas-Siġġiewi Rowing Club (SRC).
Fis-snin li għaddew, din l-għaqda wettqet numru ta’ proġetti permezz ta’ għajnuna finanzjarja mill-Ministeru għall-Inklużjoni lkoll intiżi biex jeliminaw l-ostakli fiżiċi. Permezz ta’ din l-iskema l-SRC wettqu titjib fl-infrastruttura, inkluż il-ħolqien ta’ faċilitajiet sanitarji aċċessibbli u l-installazzjoni ta’ pontun temporanju li jippermetti lill-atleti b’diżabilità u persuni b’mobilità ristretta jgawdu l-esperjenza b’mod sigur u komdu.
Il-president tal-SRC Prof. Joseph Grima saħaq kif għal din is-sena, il-klabb applika biex jimplimenta proġett li bih, nies b’diżabilità fiżika jew persuni neqsin mill-viżta jistgħu jieħdu sehem f’dan l-isport u jgawdu minn sport li mhux biss isaħħaħ il-kundizzjoni fiżika, iżda wkoll jippromwovi l-benesseri mentali. Din l-inizjattiva ser tistabbilixxi standard ġdid ta’ aċċessibilità f’dan l-isport, fejn l-inklużjoni mhix biss slogan, iżda realtà konkreta li toffri opportunitajiet għal kulħadd.
B’fond totali ta’ kwart ta’ miljun ewro, din l-iskema hija maħsuba biex tgħin lill-applikanti fl-implimentazzjoni ta’ proġetti jew inizjattivi li jikkontribwixxu għall-bini ta’ komunitajiet aktar b’saħħithom, sabiex kull individwu jkollu ċ-ċans li jmur ’il quddiem u jirnexxi.
Din l-iskema tagħti l-opportunità lill-organizzazzjonijiet volontarji biex jippreżentaw proġetti innovattivi li jsaħħu l-inklużjoni, filwaqt li jaraw l-involviment ta’ ċittadini f’inizjattivi jew proġetti li jikkontribwixxu għall-kisba ta’ wieħed mill-għanijiet tal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità jew tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Volontarjat. Kull proposta li tkun sottomessa għandha tkun imqabbla ma’ wieħed mill-għanijiet, filwaqt li għandha ssir referenza speċifika għall-oġġettiv li qed jiġi ndirizzat permezz tal-proġett jew inizjattiva li għaliha jkunu qed jinkisbu l-fondi.
Kull proġett jista’ jingħata sa massimu ta’ €10,000.

Il-Ministru Julia Farrugia saħqet fuq l-importanza tal-komunitajiet bħala l-qalba tal-ħajja ta’ kuljum tan-nies, fejn iqattgħu ħafna mill-ħin tagħhom. Hija enfasizzat li dawn l-ispazji għandhom ikunu aċċessibbli u inklussivi għal kulħadd, irrispettivament mill-isfond jew il-kapaċitajiet tagħhom.
“Il-komunitajiet mhux biss joffru postijiet fejn in-nies jistgħu jiltaqgħu u jinteraġixxu, iżda huma wkoll parti fundamentali mill-identità kulturali Maltija u Għawdxija. Minn każini għal pjazez u spazji pubbliċi, dawn huma l-postijiet fejn jinbnew ir-rabtiet soċjali u fejn kulħadd għandu jkollu l-opportunità li jħossu milqugħ u integrat. Għalhekk, għandu jkun obbligu kollettiv li jiġi żgurat li dawn il-postijiet ikunu miftuħa għal kulħadd, billi jinħolqu strutturi li jiffaċilitaw l-aċċess u li jippromwovu s-sens ta’ appartenenza għal kull individwu fil-komunità. Huwa propju dan li qed nippruvaw niksbu permess tat-tnedija ta’ dan il-fond,” temmet tgħid il-Ministru Julia Farrugia.
L-applikazzjonijiet għandhom ikunu sottomessi online sal-Ġimgħa 16 ta’ Mejju 2025 b’applikazzjonijiet li jidħlu tard ma jiġux ikkunsidrati. Il-formola tal-applikazzjoni, flimkien ma’ aktar informazzjoni jistgħu jinkisbu kemm fil-verżjoni bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż mis-sit www.vofunding.org.mt.
Kull mistoqsija dwar din l-iskema għandha tintbagħat permezz ta’ email fuq skemi.miv@gov.mt.
L-għaqdiet li japplikaw jeħtieġ li jkunu rreġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.