Kienu mijiet il-persuni li l-Ħamis filgħodu rħewlha lejn il-Buskett fejn fost l-oħrajn, setgħu jduqu ikel tradizzjonali Malti mingħand diversi bejjiegħa li bakkru għall-fiera f’jum l-Imnarja.
Tkellimna ma’ żewġ bejjiegħa dwar l-esperjenza tagħhom fil-festa tal-Imnarja.
“Aħna narmaw kważi kull sena hawnhekk fl-istand tal-prodotti tal-għasel, prodotti oħra bħal xemgħa u inbid tal-għasel. Hija festa sabiħa u tradizzjonali għaliex tiltaqa’ ma’ ċertu nies li jaħdmu f’dan il-mistier ukoll.”
“Festa sabiħa, tradizzjonali. Dejjem jattendu ħafna u ħafna nies għaliha. Hija festa sabiħa tar-raħħala u tal-ikel Malti.”
Ma naqsux ukoll attivitajiet informattivi, bħal dik imtella’ mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, li din is-sena, għall-ewwel darba kkollaboraw ma’ koki li sajru ikel tradizzjonali, kif stqarr magħna l-President tal-FKNK, Lucas Micallef.
“Din is-sena għall-ewwel darba stabbilejna minn koki lokali fejn qed nippromwovu wkoll tisjir sostenibbli tal-kaċċa għall-konsum biex kemm jista’ jkun nippromwovu dan l-ikel nutrittuv u organiku fl-aħħar mill-aħħar.”
Il-Buskett kien miżgħud ukoll b’diversi annimali. Kien hemm min esebixxa ’l fuq minn mitt fenek, u min is-sriedaq. Dan apparti dawk bil-mogħoż, baqar u l-gendus, fejn saħansitra ttellgħet kompetizzjoni għal raħħala żgħar.
Tkellimna ma’ żewġ raħħala dwar dawn il-kompetizzjonijet f’din il-festa.
“L-Imnarja hija festa tradizzjonali ta’ kull sena. Ikun l-għan tagħna li nibdew minn xahar qabel nippreparaw għal din il-festa tant sabiħa għalina, li aħna raħħala. L-entużjażmu u l-qofol tiegħu jintlaħaq bħal-lum.”
“Oġġett sabiħ u tieħu pjaċir meta jkun hemm il-kompetizzjoni imbagħad naraw minn jirbaħ.”
Persuni oħra kienu qed jesebixxu tradizzjonijiet bħal xogħol fin-newl, xogħol tal-artiġjanat u saħansitra esebizzjoni ta’ strumenti tradizzjonali.
“L-Imnarja dejjem kienet il-festa fejn kull darba li tiġi ser tisma’ żaqq, għamilna żmien twil ma nisimgħu xejn, però illum minn jiġi hawn nistgħu ndoqquhielu u jista’ jismagħha.”
Il-mużika ma kinitx tkun kompluta mingħajr l-għana tradizzjonali minn veterani u oħrajn fil-bidu tal-karriera tagħhom.
Għannej u kitarrist qasmu magħna s-sinifikat tal-għana.
“Importanti ħafna ħabba n-nies u hekk u fiha gost u hija tradizzjoni ta’ kull sena.”
“Jiena ilni ngħanni qrib sebgħin sena qed tifhimni, minn mindu kelli seba’ snin bdejt ngħanni. Ngħanni La Bormliża, u naqra tqabbil insomma.”