Bi produzzjoni u preżentazzjoni ta’ Danusan, dan il-programm dieħel fit-tielet staġun tiegħu. Din is-sena il-programm se jerġa’ jixxandar minn fuq il-bejt tal-uffiċċini ta’ Danusan. B’kreattività kbira, dan l-ispazju din id-darba ġie mibdul f’ambjent Grieg u anke platti se taraw jinkissru!!
Fix-xhur li għaddew 12-il tim minn mijiet li wrew l-interess tagħhom ġew magħżula biex jieħdu sehem f’dan il-programm. Mifrux fuq 13-il episodju, dan il-programma se jkollu t-12-il tim jikkompetu kontra xulxin. B’tema differenti għal kull programm, it-timijiet iridu jsajru fuq BBQ bl-isfidi dejjem jitqalu. L-għan ewlieni ta’ kull tim hu li jasal fil-finali u jirbaħ € 5,000 fi flus!
Dawn it-timijiet, li wħud minnhom dilettanti tat-tisjir u oħra koki professjonali, se jiġu ġġudikati minn koki professjonali, minn Danusan u mistiedna speċjali bħal Valentina Rossi, Raisa ta’ The Trio, Pawla, Amber u ħafna oħrajn.
Din is-sena se naraw lil Danusan għand in-nies biex jippruvaw il-burger tagħhom u min offrielhom l-istedina se jidħol fiċ-ċans li jirbaħ ukoll. Il-programm ħa jaħseb ukoll għal min jixtieq jitgħallem issajjar, għax se jkun hemm sezzjoni li fiha mmorru naraw tisjira fuq BBQ, kemm xejn differenti mis-soltu.
Dan il-programm se jqanqalek emozzjonijiet differenti, minn daħk, eċitamenti u xi demgħa ’l hemm u ’l hawn ma tonqosx.
Żomm l-appuntament tiegħek għal The Malta BBQ League, kull nhar ta’ Tlieta fid-9pm mill-4 ta’ Lulju, fuq ONE