F’inizjattiva ta’ ġest nobbli għall-aħħar, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, ħabbar li residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin se jkunu qegħdin jaħdmu l-għamara għal 29 appartament ta’ Puttinu Cares f’Londra, fl-Ingilterra.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru fisser dan il-proġett bħala wieħed li jżewweġ żewġ għanijiet mill-iktar sbieħ, dik tal-ħtieġa li jiġi offrut wens lil min ikun għaddej minn mument diffiċli, u r-rijabilitazzjoni ta’ persuni li naqsu lis-soċjetà iżda llum huma determinati li jagħtu xi ħaġa lura.
F’kumment ma’ ONE News, il-Ministru enfasizza l-importanza li se jkollhom il-priġunieri fil-ħabs fuq l-għan nobbli f’isem Puttinu Cares.
“Fl-aħħar snin iffukajna ħafna fuq ir-rijabilitazzjoni ta’ persuni li kienu żbaljaw, però wkoll huwa importanti li jagħtu xi ħaġa lura lis-soċjetà li naqsuha, u nemmen li mhemmx inizjattiva isbaħ milli ningħaqdu ma’ Puttinu, għaliex verament jagħmlu ħafna ġid fis-soċjetà tagħna, speċjalment mal-morda u mal-familji tagħhom, illi b’dan il-proġett li ħa jaħdmu l-għamara fil-ħabs stess, fil-workshop, qed jagħtuhom verament lill-aktar rappreżentanza li jista’ jkollna tas-soċjetà Maltija, u għalhekk insejħulu mill-‘Qalb għal Puttinu’ għaliex verament qed isir mill-qalb, u hawnhekk verament toħroġ il-qalb kbira tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.”
Il-Ministru Byron Camilleri
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Christopher Siegersma qal li l-involviment tal-aġenzija f’dan il-proġett tirrifletti mhux biss id-dedikazzjoni għal kawżi soċjali, iżda anke l-impatt li se tħalli fuq il-ħajja ta’ dawk li huma fil-bżonn.
Dan filwaqt li permezz tiegħu, l-aġenzija se toffri ċ-ċans lil persuni fil-ħabs ikompli jirrijabilitaw ruħhom, bil-għan li jmorru lura fis-soċjetà preparati u anke b’sens akbar ta’ responsabbiltà.
Dwar dan ikkummentat il-President ta’ Puttinu Cares, Angele Cuschieri.
“Malta hija verament unika! Kull fejn immissu, kull fejn immorru, fl-oqsma kollha, naraw li meta ningħaqdu, kapaċi noħorġu affarijiet kbar. Dawn ir-residenti li qegħdin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, bit-talent tagħhom, ħa jkunu qegħdin jgħinu lil tant pazjenti u familji li jkunu qegħdin għaddejin minn mumenti diffiċli. Naħseb dan huwa proġett li għandna għalfejn inħossuna kburin bih, u naħseb li fil-verità, jekk infittxu fid-dinja kollha, naħseb li qatt ma sar bħalu.”
Angele Cuschieri, Presidnet , Puttinu Cares
Dawn l-appartamenti joffru l-kenn għall-pazjenti u l-familji tagħhom fl-aktar mument tal-bżonn u r-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jingħaqdu ma tant Maltin li taw il-kontribut tagħhom biex din il-ħolma ssir realtà.