Li tiltaqa’ ma’ xi attur ċelebri darba f ’ħajtek żgur li tkun esperjenza li tibqa’ tiftakar u fl-era tal-lum ma titlifx iċ-ċans li tieħu xi stessu. Iżda, għal Noel ir-realtà hija totalment differenti. Ma’ artisti u persuni ta’ fama jiltaqa’ ta’ sikwit, però tagħhom iħaddan biss tifkiriet għax l-esperjenza għallmitu li mhux ta’ min jiffita lil dak li jkun qed ifittex ftit ħin ta’ mistrieħ bogħod millgħajn pubblika.
Noel huwa s-sid tal-istabbiliment talikel li wieħed isib fil-bajja ta’ Mġarr ix-Xini, il-lok fejn Angelina Jolie u Brad Pitt
ħadmu l-film By The Sea birristorant tiegħu jkun wieħed mis-siti fejn Jolie u Pritt ġibdu x-xeni. Iltqajt miegħu hekk kif f ’ġurnata ppakkjata appuntamenti f ’Għawdex qaluli kif Imġarr ix-Xini qed ikun iktar imfittex minn meta nħadem il-film.
Kurjuż jekk din kinitx biss perċezzjoni, irħejtilha għall-istabbiliment tiegħu u hemm Noel laqagħni b’entużjażmu u ħafna rakkonti. “Iva, dażgur li iktar nies qed jiġu Mġarr ix-Xini,” iddikjara Noel. Għal negozjant jaf li l-ewwel konklużjoni tkun li din hija xi ħaġa aħjar għax ilbejgħ jiżdied, iżda Noel huwa konxju li l-munita għandha żewġ naħat. “Bħal kollox, hux? Hemm il-pożittiv u n-negattiv.
Iktar nies ifisser iktar bejgħ, imma jfisser ukoll iktar karozzi. Hawn rajt kif inhu, int. Lanqas parkeġġ m’hawn. Jiġifieri l-bajja ma tiflaħx għal ħafna,” qalilna Noel, li miegħu ma stajniex ma nitkellmux dwar l-esperjenza li kellu mal-atturi ta’ fama f ’Hollywood, Jolie u Pitt.
“Dik l-attriċi favorita tiegħi u kelli niltaqa’ magħha hawn fl-istabbiliment tiegħi,” qal Noel, li fisser kif din l-esperjenza għalih kienet ‘iċ-ċirasa fuq il-kejk’ ta’ karriera twila fis-settur tal-ospitalità li wasslitu jservi għadd ta’ ċelebritajiet. “Sabiħa kemm tidher fil-films?” kienet il-mistoqsija li segwiet.
“Għajnejha jsammruk,” wieġeb Noel, bil-mara tiegħu kburija bl-esperjenza li għaddew minnha iktar milli għajjura għal kliem żewġha.
“Nies mill-aħjar. Tant ħadu pjaċir li, qabel marru, bkew,” żiedet miegħu. Irrakkuntaw kif għadhom jiftakru l-jum ta’ meta Angelina Jolie niżlet Imġarr ix-Xini tara jekk il-lok kienx ideali għall-film tagħha. “Daret dawra mal-post u ftit wara kienet diġà bdiet timmarka fejn trid l-affarijiet,” qal Noel li fl-aħħar xhur mhux darba u tnejn kien intervistat mill-midja internazzjonali.
Kien meta mistoqsi biex jurina ritratt mal-artista li qalilna li l-affarijiet ma jmorrux hekk. “Il-mara xtaqet imma ma ridux. Iktar minn hekk, lil dawn ma tridx toqgħod iddejjaqhom,” qal Noel li żvelalna li l-istabbiliment tiegħu ra artisti
daqs l-aqwa lukandi ta’ ħames stilel.
“Is-sena l-oħra kelli mas-sitt artisti hawn. Fosthom Raul Bova, l-attur; Luke Evans ta’ Red Hot Chili Peppers; u Michael Fassbender, li saħansitra kien nominat għal Oscar,” qalilna Noel, filwaqt li żied kif Imġarr ix-Xini ilu mfittex mill-artisti, għalkemm illum iktar. Però, fuq kollox huwa Għawdex kollu li tul is-snin dejjem kien imfittex minn min irid jaħrab ftit mill-għajn talpaparazzi.
“Ilni naħdem mill-1979 fis-settur u ma ngħidlekx ma’ min iltqajt: kantanti, presidenti u negozjanti kbar. Darba kelli wieħed f ’lukanda li kien jinżel kuljum għall-ikel filgħaxija u wara kien joqgħod jieħu drink. Kien idum miegħi sa xħin ngħalaq u jitlaq billi jħallili Lm5 tips kuljum. Jum minnhom għedtlu li l-għada kont se mmur Malta għax kien dieħel Yacht Brittania. Wera interess u qalli jekk xtaqtx nitla’. Għedtlu iva. Dakinhar mort u kien hemm ħafna nies jarawh, jien għedtilom il-lukanda minn fejn ġej, u tellgħuni u dawruni miegħu kollu minbarra l-kamra tas-sodda tarReġina. Xħin rajt hekk staqsejt minn kien dak il-bniedem fil-lukanda. Qaluli li dak hu l-Ammirall tal-Bastiment u li saħansitra kien iġġieled fil-gwerra talFalklands. Meta mort lura l-lukanda fittixt ismu u tgħidx kemm titli u unuri skoprejt li kellu,” qal Noel f ’rakkont li ħadna lura s-snin, filwaqt li martu kienet qed tistenna biex tkellimni bi flixkun tal-inbid vojt f ’idha.
“Ara dan mill-winery ta’ Angelina Jolie. Ħallietu hawn. Żammejna wkoll l-ixkafef li ntużaw fil-film u anke tifkiriet oħra,” qalilna Noel filwaqt li dawwarna mal-post biex jurina iktar memorji ta’ Pitt u Jolie. Fosthom ritratt imwaħħal b’tislima mill-artista li ta’ kuljum tfakkru kif daqsxejn ta’ stabbiliment f ’wieħed mill-isbaħ postijiet fil-Mediterran għamlu bniedem li ta’ sikwit ikun fil-kumpanija tal-istilel u ċ-ċelebritajiet.