F’Diċembru li għadda l-familji Maltin u Għawdxin kellhom imfaddlin f’depożiti mal-banek lokali ċ-ċifra rekord ta’ €16.3 biljun.
Dan ifisser żieda ta’ kważi €930 miljun, jew tkabbir ta’ 6 fil-mija, meta mqabbel ma’ sena qabel. Ifisser ukoll li, kemm ilu Prim Ministru Robert Abela, il-familji f’pajjiżna kabbru t-tifdil tagħhom mal-banek bi €3.2 biljun.
Il-gazzetta KullĦadd irrappurtat li, bħala medja, għal kull €5 li l-familji kellhom imfaddlin f’Jannar ta’ tliet snin ilu, illum għandhom aktar minn €6. Fi tliet snin it-tifdil tal-familji mal-banek kiber aktar milli kien kiber tul għaxar snin fl-aħħar żewġ leġiżlaturi tal-Partit Nazzjonalista meħudin flimkien. Minbarra dan, iż-żieda medja kull xahar is-sena l-oħra kienet iżjed minn tliet darbiet iż-żieda medja fit-tifdil kull xahar bejn l-2008 u l-2013, taħt gvern Nazzjonalista.
Ta’ min ifakkar ukoll li, fl-2009, kaġun tal-politika tal-awsterità tal-Gvern quddiem kriżi internazzjonali ferm iżgħar minn dik preżenti, id-depożiti tal-familji fil-banek mhux talli ma żdidux, talli naqsu b’aktar minn €140 miljun. Dan ġara għax il-gvern ta’ dakinhar għażel li jitfa’ l-piż tal-kriżi tal-enerġija u ħafna iżjed direttament fuq il-familji u n-negozji, bil-kontra ta’ dak li qed jagħmel il-Gvern immexxi minn Robert Abela.
Fil-fatt, f’Novembru tal-2009, it-tifdil tal-familji kien naqas għal-livell ta’ Novembru ta’ sentejn qabel. Dan ifisser li l-gvern ta’ Lawrence Gonzi tant ma għenx lill-familji li dawn kellhom “jieklu minn ġewwa” minn dak li kienu ilhom ifaddlu mill-2007. Bil-maqlub, taħt l-amministrazzjoni attwali ta’ Robert Abela, il-familji mhux biss ma kellhomx bżonn iduru għal dak li kellhom imġemma’ taħt rashom, iżda saħansitra rnexxielhom itejbu s-sitwazzjoni finanzjarja fl-eqqel tal-agħar pandemija li d-dinja kollha ffaċċjat f’dawn l-aħħar 80 sena. Id-depożiti tan-negozji mal-banek ukoll kienu ħadu daqqa ta’ ħarta 13-il sena ilu, bil-kontra ta’ dak li seħħ is-sena li għaddiet.
Sadanittant, il-KullĦadd irrapportat ukoll li l-istatistika tindika anke li, minkejja s-sostenn qawwi li qed jagħti l-Gvern, il-qagħda finanzjarja tas-settur pubbliku qed titjieb ukoll. Dan meta d-depożiti tas-settur pubbliku mal-banek laħqu kważi l-€1 biljun. jew kważi kwart aktar minn sena qabel.
Dan kollu jindika kemm il-politika progressiva ta’ sostenn, li qed iwettaq il-Gvern, mhux biss qed tgħin lill-familji u lin-negozji, imma qed twassal għal finanzi aktar fis-sod, bil-kontra tal-politika tal-awsterità adottata mill-aħħar Gvern Nazzjonalista meta s-settur pubbliku kellu depożiti mal-banek disa’ darbiet inqas minn dawk li għandu bħalissa.
Il-gazzetta tirrimarka li s-saħħa finanzjarja tal-familji Maltin u Għawdxin hi l-kawża ewlenija wara l-irkupru qawwi tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom, fl-aħħar tliet snin, il-familji kabbru d-domanda domestika u għamlu tajjeb anke meta kien jinħass in-nuqqas ta’ turisti.Dan wassal għall-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Minkejja li s-sena l-oħra żdied daqstant il-konsum, il-familji Maltin u Għawdxin xorta baqgħu jfaddlu mal-banek lokali u jżidu d-depożiti b’aktar minn €3.2 biljun fuq l-aħħar sena qabel bdiet il-pandemija.