Iż-żarmar u t-twaqqigħ tal-Marsa Power Station qed ikompli għaddej b’ritmu mgħaġġel hekk kif issa beda wkoll ix-xogħol biex jitneħħew l-akbar strutturi tal-istazzjon.
Is-Sibt filgħodu, il-kuntratturi tal-Kumpanija bdew it-twaqqigħ tal-bini magħruf bħala l-Engineers’ Block, waħda mill-istrutturi fl-istess stazzjon. F’parti oħra tal-istazzjon ħaddiema oħrajn qed iżarmaw l-impjant numru tmienja, li jaħdem bil-Heavy Fuel Oil. Dan l-impjant jinkludi boiler għoli madwar 15-il sular u għadd ta’ makkinarju ieħor.
Inġiniera ta’ Enemalta plc qed isegwu din il-ħidma biex jiżguraw li l-pjanijiet u l-iskedi stabbiliti mill-Kumpanija jinżammu. Fl-istess waqt qed jaraw ukoll li dawk l-istrutturi li għalissa għadhom qed jintużaw, fosthom l-impjanti li tħallew cold standby għal xi emerġenza u l-apparat marbut mad-distribuzzjoni tal-elettriku, ma jiġux milquta biż-żarmar ta’ partijiet oħra tal-istazzjon. Il-Kumpanija qed tieħu għadd ta’ passi biex tħares is-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati li jaħdmu fl-istazzjon u tal-impjegati u klijenti li jżuru l-Bini Amministrattiv biswitu.
Hekk kif jitlesta ż-żarmar tal-impjant numru tmienja jkompli wkoll iż-żarmar ta’ nħawi oħrajn, fosthom il-boilers numri tnejn, tlieta u erba’ u t-turbini tagħhom.
L-impjanti ħamsa, sitta u sebgħa u t-tankijiet tal-HFO li jissuplixxuhom jiżżarmaw fil-fażi finali tal-proġett. Dawn tal-aħħar qed jinżammu cold standby biex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista f’każi ta’ emerġenza, sakemm il-proġetti ta’ trasformazzjoni li għaddejjin bħalissa fid-Delimara Power Station jitlestew.
Il-metalli u l-materjali kollha li qed jiżżarmaw mill-istazzjon tal-Marsa qed jiġu trasportati u mormija skont ir-regolamenti kollha applikabbli tal-immaniġġjar tal-iskart, tal-ambjent u tas-saħħa u s-sigurtà. Fejn hu possibbli dak li jinqala’ mill-istazzjon qed jiġi pproċessat għar-riċiklaġġ. Enemalta qed tisħaq li l-kuntratturi jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jevitaw inkonvenjenzi u riskji għar-residenti u l-ħaddiema tal-inħawi tal-Marsa.