Għal Għonq it-Triq.
Dan huwa l-isem tal-ktieb dwar wieħed mill-eqdem irħula f’pajjiżna: l-Imsida.
L-Imsida dejjem kienet inkluża saħansitra fl-eqdem mapep eżistenti iżda dak iż-żmien kienet tissejjaħ Miside jew Misida.
Minn dak iż-żmien, l-Imsida kibret u nfirxet tant li l-Kunsill Lokali llum il-ġurnata għandu madwar 100 triq li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu.
Meta fl-2019 tnediet skema ta’ fondi għal inizzjattivi kulturali u soċjali, il-Kunsill Lokali tal-Imsida ħataf l-opportunità biex jippubblika ktieb.
Dan il-ktieb jikkonsisti minn reġistru tat-toroq kollha tal-Imsida bl-ismijiet u tifsiriet flimkien mal-istorja marbuta magħhom.
Minn triq imsemmija għall-karozzin, għal tagħrif dwar l-Għajn tal-Ħasselin, li t-tnejn huma sinonimi mal-Imsida għal personaġġi li ħallew impatt kbir fl-istorja ta’ pajjiżna.
Il-ktieb miktub minn Liliana Risiott Copperstone ser jiġi ppreżentat għall-ewwel darba fid-9 ta’ Lulju fl-okkażjoni ta’ Jum l-Imsida.
Il-ktieb se jitqassam b’xejn lir-residenti tal-Imsida u se jkun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.