Fir-raħal pittoresk tax-Xagħra Għawdex ser jittella’ presepju ħaj b’differenza. Presepju għal għonq it-Triq.
Mill-kumdità tal-karozza, wieħed jista’ jara xeni u episodji ħajjin li jikkaratterizzaw lil kull presepju tradizzjonali Malti – Mis-suq tal-bejjiegħa għal rgħajja, suldati u l-Madonna u San Ġużepp bil-Bambin.
Dan il-presepju ħaj se jibda l-għada tal-Milied u għandu għaddej sad-disgħa u għoxrin ta’ Diċembru mill-ħamsa sad-disgħa ta’ filgħaxija.
Id-daħla se tkun minn Għajn Qasab in-naħa tan-Nadur u l-presepju jispiċċa fix-Xagħra, fit-triq li twassal għall-bajja popolari tar-Ramla l-Ħamra.
Kull lejl se jkunu jistgħu jidħlu mija u għoxrin karozza u f’kull vettura jrid ikun hemm minn tal-inqas żewġ passiġġieri.
L-ilbies tal-maskra huwa obbligatorju.
Apparti l-presepju ħaj, fir-raħal tax-Xagħra se jkun hemm ukoll diversi wirjiet ta’ presepji maħdumin bl-idejn.