Mijiet laqgħu bi ħġarhom lill-vjolinist u surmast tal-orkestra ta’ fama mondjali, André Rieu, meta qatta’ nofstanhar idur mal-Belt Valletta waqt żjara ta’ erbgħa u għoxrin siegħa f’Malta.
L-għan ta’ din iż-żjara qasira kien li, apparti li jara s-sbuħija ta’ pajjiżna, iħabbar id-dati tal-kunċerti li se jkun qed jagħti f’Malta fl-ewwel tlett ijiem ta’ Settembru tas-sena d-dieħla.
Mal-wasla tiegħu fl-ajruport, mal-midja huwa qal li jinsab grat li jinsab f’pajjiżna. Qalli ħa gost bit-temp sabiħ li laqgħu filwaqt li spjega x’wieħed jista’ jistenna mill-kunċerti tiegħu.
Spjega kif kemm-il darba ltaqa’ ma’ Maltin madwar id-dinja jistaqsuh meta se jkun qed iżur lil pajjiżna, fejn kien għalhekk li ddeċieda jiġi.
Intant, fost il-mijiet li kien hemm jimxu ma’ Rieu waqt iż-żjara tiegħu, spikka ċ-ċkejken Thomas Chetcuti li, flimkien ma’ ommu u id f’id ma’ Rieu, mexa mħaddan miegħu.
Ma’ ONE News, Thomas u ommu Nicola qalu li proprju llum kien għeluq snin Thomas, li għalaq 11-il sena. Qalu li jinsabu grati li, għat-tieni darba, kellhom ix-xorti li jiltaqgħu miegħu proprju f’pajjiżna.
Thomas irrakkuntalna li kien fl-2019 meta ltaqa’ ma’ Rieu għall-ewwel darba, u kien ħa ritratt miegħu. Issa, waqt iż-żjara tiegħu f’Malta, irnexxielu jikseb il-firma ta’ Rieu.
Flimkien ma’ ommu, spjegalna kif ilu sena jitgħallem il-vjolin u, bi tbissima mill-isbaħ fuq fommu, qalilna li filwaqt li jħobb ħafna lil Rieu, l-hena tiegħu hi li jisma’ lill-Orkestra.
Intant il-mixja ta’ Rieu mal-Belt waslitu biex jieqaf jixtri ġelat mill-qalba tal-Belt, jitkellem mas-segwaċi tiegħu, jieħu r-ritratti u anke jilqa’ rigali fosthom salib bi tmien ponot li qal li jaf jilbsu waqt il-kunċerti tiegħu f’Malta.