Jagħmlu minn kollox biex jiddefendu lil ta’ Fenech Adami. Din id-darba mhux għax minn tliet ikmamar bnew palazz, jew għax saru miljunarji mingħajr ħadd ma jaf kif, lanqas għax tkeċċew in-nies mill-mezzi tax-xandir tal-PN biex daħlu huma, iżda għax il-Bord tal-Gvernanza sab lil Michael Fenech Adami ħati bi ksur tar-regoli finanzjarji tal-Kunsilli Lokali.
Għall-ewwel darba, il-Partit Nazzjonalista ħareġ jattakka l-Bord tal-Gvernanza. Fi stqarrija ħareġ jgħid li ma jaċċettax ġudizzju mogħti minn dan il-bord li jaħdem b’mod indipendenti u li ħareġ b’deċiżjonijiet li fil-passat ċanfru azzjonijiet u deċiżjonijiet irrilevanti minn min wettaqhom.
“Il-Partit Nazzjonalista la jemmen u lanqas għandu fiduċja f’dak kollu li jgħid il-Bord tal-Governanza Lokali” qal fi stqarrija, f’dik li tinstema’ qisha dikjarazzjoni ta’ gwerra, imbasta ta’ Fenech Adami ħadd ma jmur kontrihom.
Fi ħdan il-Partit Nazzjonalista diġa qed jingħad li dan huwa każ ta’ double standards. Meta xahrejn ilu l-Bord ikkundanna nuqqas ta’ tmexxija finanzjarja serja fin-Nadur, il-Partit Nazzjonalista ma qal xejn.
Intant, fi stqarrija, l-Partit Laburista qal li ta’ min jgħid lill-PN jekk għandux fiduċja fiċ-ċermen tal-istess Bord, li huwa rispettat minn kulħadd is-Sur Noel Bartolo. Il-Partit Laburista qal li Busuttil f’dan il-każ huwa ostaġġ ta’ Fenech Adami.