L-aġenda soċjali tal-Unjoni Ewropea kienet it-tema ewlenija ta’ konsultazzjoni pubblika organizzata mill-MEUSAC bis-sehem tal-Ministru għall-Affarjiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali Aaron Farrugia. Din kienet il-ħames minn sensiela ta’ konsultazzjonijiet maċ-ċittadini li qegħdin isiru madwar l-UE fuq proposta tal-President Franċiż Emmanuel Macron biex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jisimgħu aktar x’jaħsbu ċ-ċittadini Ewropej dwar x’tip ta’ Unjoni jridu.
Dawk preżenti tkellmu dwar spettru wiesgħa ta’ suġġetti fosthom l-impjiegi, il-paga minima, l-opportunitajiet edukattivi u t’apprentistat, is-saħħa, il-pensjonijiet, id-diżabilità u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Issemmiet ukoll l-importanza tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja u l-applikazzjoni tal-prinċipju magħruf bħala r-right to disconnect, bil-Ministru Helena Dalli tgħid li Franza diġà għaddiet leġiżlazzjoni f’dan is-sens.
Helena Dalli tkellmet ukoll dwar id-differenza fid-dħul tal-irġiel u tan-nisa u tenniet l-impenn tal-Gvern li jindirizza din l-inugwaljanza li ħafna drabi tirriżulta min-nuqqas ta’ trasparenza fil-kuntratti tax-xogħol. Hija spjegat li l-Gvern jinvesti ħafna fl-edukazzjoni tan-nisa u hemm bżonn li bħala pajjiż naħsdu aktar frott ta’ dan l-investiment billi aktar nisa jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol.
Fuq nota ġenerali, il-Ministru kkonkludiet li l-interventi varji f’din il-konsultazzjoni huma xhieda t’eżerċizzju ħaj u effettiv li permezz tiegħu l-Gvern qed imur għand in-nies, u mhux jistenna lin-nies tiġi għandu. “B’hekk biss nistgħu npoġġu l-interessi tagħhom fiċ-ċentru ta’ ħidmietna fuq livell Ewropew”.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia spjega kif il-MEUSAC qed isservi ta’ ħolqa importanti li tgħaqqad iċ-ċittadini mal-Unjoni Ewropea. Huwa tkellem dwar l-irwol tal-Unjoni Ewropea fil-prattika, bil-€11-il miljun f’fondi Ewropej imħabbra riċentament għal taħriġ vokazzjonali jissemmew bħala eżempju ewlieni. Huwa semma wkoll il-fondi tal-Erasmus li qed jgħinu mijiet ta’ żagħżagħ jimirħu f’esperjenzi ġodda barra minn xtutna, waqt li anzjani qed igawdu mill-Programm ‘L-Ewropa għaċ-Ċittadini’.
B’referenza għall-kriżi tal-migrazzjoni u l-kriżi t’identità li bħalissa qed tesperjenza l-Unjoni Ewropea, Farrugia saħaq li l-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel ħafna biex flimkien mal-Istati Membri tindirizza dawn l-isfidi. Fil-konklużjoni, is-Segretarju Parlamentari tenna l-importanza li nkomplu nsostnu l-konverġenza soċjali u ekonomika fl-Unjoni Ewropea. “Il-ħsieb tal-fondi Ewropej huwa proprju dan, u ċioè li kull ċittadin Ewropew jimxi ’l quddiem u jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu”.
Il-Kap tal-MEUSAC Vanni Xuereb spjega li dak li joħroġ minn dawn il-laqgħat ta’ konsultazzjoni se jinġabar f’rapport li jiġi ppreżentat mill-Prim Ministru Joseph Muscat flimkien ma’ rapporti mill-Istati Membri l-oħra għall-kunsiderazzjoni tal-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2018.
Il-laqgħa li jmiss mis-sensiela ta’ konsultazzjonijiet, ‘Għid tiegħek dwar l-Ewropa’, se tiddiskuti l-futur tal-migrazzjoni, bil-parteċipazzjoni tal-Ministru Franċiża għall-Affarijiet Ewropej, Nathalie Loiseau. Din se ssir fit-2 ta’ Novembru fis-6pm, fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar. Aktar informazzjoni tinsab fis-sit: http://meusac.gov.mt/future-of-europe