L-istqarrija ta’ Adrian Delia li l-gvern irid id-diskussjoni dwar l-użu rikreazzjonali tal-marijuana biex jirbaħ il-vot 16 hija dikjarazzjoni kundanabbli ta’ kap li jemmen li l-ġenerazzjoni sittax jinteressa minn hekk biss. Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista. L-istqarrija tgħid li l-ġenerazzjoni sittax tagħmel l-għażliet tagħha fuq għadd ta’ temi li jolqtu lilha, lill-pajjiż u l-ġenerazzjonijiet futuri bħal l-edukazzjoni, l-opportunitajiet ta’ xogħol, l-ambjent u l-kultura, fost oħrajn.
Il-PL qal li filwaqt li d-diskussjoni fuq l-użu rikreazzjonali tal-marijuana trid issir, għax hija realtà madwarna li m’għandniex ninjoraw, din għandha ssir b’għaqal u mingħajr l-estremiżmu ta’ Adrian Delia.
Huma assiguraw lil Delia li ż-żgħażagħ ta’ 16 –il sena diġa’ għandhom għadd kbir ta’ raġunijiet għaliex jagħżlu lill-Partit Laburista. Qabel xejn kien l-istess partit li tahom id-dritt li jivvotaw. Kien l-istess partit li żied l-istipendji tagħhom u qed ineħħi l-miżati mill-eżamijiet tas-SEC u l-Matsec. Kien ukoll l-istess partit li qed joħloq opportunitajiet ġodda għal din il-ġenerazzjoni bħas-setturi tal-fintech. Kien dan il-gvern li ta trasport pubbliku b’xejn lil żgħażagħ minn 16 sa 20 sena. U ma dawn wieħed jista’ jżid għexieren ta’ inizjattivi oħra li huma.
L-istqarrija temmet tgħid li lkoll raġunijiet għaliex din il-ġenerazzjoni tħossha komda fil-moviment madwar il-Partit Laburista.