Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla ħareġ fid-deher li għalih id-drittijiet tal-kaċċaturi Maltin u Għawdxin ma jiswew xejn. Dan saħqu l-Partit Laburista fi stqarrija.
Fi stqarrija, il-Kap tal-Oppożizzjoni flimkien ma’ żewg kelliema oħra tal-Partit Nazzjonalista, iddeskriva bħala ħela ta’ ħin il-fatt li l-Ministru Silvio Schembri qabeż għad-drittijiet tal-kaċċaturi.
Dan wara li dalgħodu ġiet ippreżentata kwerela biex jittieħdu proċeduri kontra 6,000 kaċċatur li marbut magħha hemm piena massima ta’ €10,000 jew sentejn ħabs kif ukoll revoka permanenti ta’ kull liċenzja jew permess.
Il-Partit Laburista jinnota li waqt li l-Gvern iqis bħala mhux f’lokhom it-talbiet biex jittieħdu proċeduri kriminali kontra sitt elef kaċċatur, il-Kap Nazzjonalista mhux talli ma kkundannax dan l-aġir, iżda sejjaħ bħala ħmerijiet dikjarazzjoni ta’ min ħareġ jiddefendi d-drittijiet ta’ sitt elef persuna. Dan għax it-talba li saret hija bla bażi u mhux f’lokha.
Bid-dikjarazzjoni tiegħu stess, Delia qed jagħmel tiegħu wkoll il-kwerela li saret dalgħodu fil-konfront tal-kaċċaturi, kif għamel tiegħu l-kwerela li għamel il-kelliem tiegħu tal-Ġustizzja Jason Azzopardi biex jittieħdu passi kriminali kontra s-suldati tal-Armata, il-Brigadier u l-Prim Ministru Robert Abela.
Fuq kollox jekk hawn politiku li qed jgħix f’dinja għalih huwa proprju Adrian Delia li minkejja li ilu fuq sentejn u nofs li nħatar Kap tal-Oppożizzjoni għadu lanqas beda jmexxi l-Partit Nazzjonalista.