“Għal dawk kollha li semgħu dwar l-attakk terroristiku fi Stokkolma, aħna ninsabu tajbin.” Dan kien kliem Ġorġ Mallia, l-Kap tad-Dipartiment tal-Media u l-Komunikazzjoni fl-Università ta’ Malta. Ġorġ Mallia fil-messaġġ li kiteb fuq il-profil tal-facebook spjega li bħalissa jinsab fl-Isvezja flimkien mas-sieħba tiegħu, iżda b’xorti tajba ma kienx fil-kapitali ta’ Stokkolma iżda kien fil-belt ta’ Malmo.
Aħbar ta’ attakk terroristiku bħal dak li rajna fi Brussell, f’Pariġi, r-Russja u Stokkolma dejjem iqajmu l-mistoqsija fostna l-Maltin jekk xi ħadd għażiż għalina jinsabx fil-pajjiż li fih ikunu tilfu ħajjithom numru ta’ vittmi bla ħtija, iżda għax ikunu inzertaw fuq il-post fil-ħin li jsir l-attakk terroristiku.
L-aħħar attakki terroristiċi li rajna filfatt, kienu f’pajjiżi popolari mal-Maltin. Fi Brussell u f’Berlin, fost oħrajn, kellna filfatt numru ta’ Maltin li kienu fuq il-post li seħħ l-attakk. Episodji bħal dawn jġiegħluna nirrealizzaw kemm id-dinja hija żgħira.
Bħal dejjem is-sit soċjali facebook joffri l-faċilità li wieħed jimmarka li jinsab sigur f’din iż-żona u għalhekk wieħed ikun jistà ukoll iserraħ rasu.