Żfin, drammi kulturali u mużika. Dawn kienu ftit mill-produzzjonijiet kulturali li ttellgħu fl-iskola primarja ta’ San Benedittu fl-Imqabba.
Dan fl-isfond ta’ konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbar li l-inizjattiva tal-Culture Pass ġiet estiża wkoll għall-istudenti tal-primarja u l-kindergarten.
Inizjattiva li tnediet fl-2016 bħala parti minn wegħda elettorali tal-Gvern li permezz tagħha, l-istudenti jistgħu jsegwu produzzjonijiet kulturali imħejja apposta għalihom u artistiċi.
Id-Direttur Kulturali Mario Azzopardi spjega li l-culture pass għall-istudenti tal-primarja u tal-kindergarten jinkludi mat-38 produzzjoni:
“S’issa l-Culture Pass dejjem kienet miftuħa biss għal skejjel sekondarji. Minn din is-sena se tkun miftuħa wkoll anke għall-kindergarten u anke għall-primarja biex naqbdu lit-tfal jibdew jinteressaw rwieħhom fil-kultura anke minn età żgħira”.
Is-Sur Azzopardi tenna li filwaqt li dawn il-produzzjonijiet jinfurmaw lill-udjenza bil-kultura Maltija għandhom ukoll il-mira li jimmotivaw lill-istudenti sabiex jaspiraw li jkollhom karriera fil-qasam kulturali jew artistiku f’pajjiżna:
“Qegħdin noħolqu diversi produzzjonijiet biex bihom imorru fl-iskejjel ħalli mhux biss jaraw il-produzzjoni, imma wkoll ikun hemm workshops ħalli jiltaqgħu mal-artisti jitkellmu magħhom jurhom li llum il-ġurnata għandek karriera ukoll f’dan il-qasam”.
L-istudenti dehru entużjasti għall-aħħar waqt il-produzzjonijiet li ttellgħu.
F’kumment ma’ ONE News esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għal din l-inizjattiva u wkoll taw ħjiel ta’ x’jixtiequ jaraw minn dawn il-produzzjonijiet.
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici stqarr li b’din l-inizjattiva l-istudenti kollha Maltin sa minn ċkunithom jibdew jitrawmu japprezzaw il-forom differenti tal-espressjoni artistika li għandha twassal biex jiżdied il-potenzjal kreattiv tagħhom.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo faħħar l-impenn favur din l-inizjattiva sabiex titjieb l-aċċessibiltà għall-istudenti Maltin f’suġġetti kulturali.