Il-festival ewlieni marbut max-xjenza f’Għawdex se jerġa’ jseħħ qalb is-swar taċ-Ċittadella.
Dan ħabbritu l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana waqt it-tnedija tat-tielet edizzjoni ta’ Science in the Citadel. Din l-attività għall-familja kollha se ssir nhar is-Sibt, 27 ta’ April bejn l-10:00 ta’ filgħodu u s-6:00 ta’ filgħaxija u se tkun mifruxa madwar is-sit kollu tal-belt l-antika ta’ Għawdex.
Il-Ministru Caruana qalet li l-attivitajiet kollha waqt dan il-festival se jkunu mmirati biex dawk li jipparteċipaw jitgħallmu fuq is-setturi varji tax-xjenza u li minn rajhom jgħaddu l-għarfien tagħhom lil ħaddieħor. “Bl-avvanz teknoloġiku ta’ żmienna u li qed jaffettwa l-istili kollha tal-ħajja, illum, aktar minn qatt qabel, ix-xjenza qed issir suġġett neċessarju għall-għajxien tagħna”, qalet il-Ministru għal Għawdex.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet kif festival bħal dan hu ta’ importanza edukattiva kbira peress li qed jesponi lil uliedna, sa minn età żgħira, għad-dinja tax-xjenza. Hija qalet ukoll lik dan il-festival jikkombina tajjeb ħafna mal-viżjoni tal-Gvern li qed jadotta pajjiżna għal dawn l-avvanzi kollha, fejn qed tiżdied il-ħidma f’oqsma oħra bħat-teknoloġika tal-informatika u x-xjenza fid-diversità vasta tagħha.
Il-Ministru Caruana faħħret din l-inizjattiva fejn is-settur volontarju, edukattiv u dak kummerċjali ngħaqdu flimkien biex jesploraw x’inhi x-xjenza, xi sfidi u opportunitajiet toffri, kif ukoll sabiex jesponu l-potenzjalitajiet li jeżistu f’Għawdex.
Collenn Bower, l-organizzatriċi ta’ dan il-festival, tat id-dettalji tal-esebizzjonijiet li wieħed jista’ jiltaqa’ magħhom. Fost is-suġġetti li se jkunu esposti hemm ix-xjenza marittima u dik agrikola, intelliġenza artifiċjali u logħob diġitali. Is-Sinjura Bower irringrazzjat lill-Ministeru għal Għawdex tal-appoġġ sostanzjali li qed jingħata din is-sena wkoll biex jiġi organizzat dan il-festival edukattiv.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit fuq Facebook – ‘Science In The Citadel’. Id-dħul għal din l-attività huwa b’xejn.