L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ta’ Bernard Grech titkellem differenti f’Malta u fi Brussell.
Dan ġie innotat mill-Partit Laburista, fi stqarrija, fejn irrimarka kif dwar direttiva Ewropea għall-istati membri kollha, imsejħa Fit for 55, f’Malta l-Oppożizzjoni qed tattakka lill-Gvern, iżda mbagħad nies fi ħdanha, bħal Roberta Metsola, iddeskriviet din id-direttiva bħala leġiżlazzjoni storika u “a key legislation”.
Il-Partit Laburista saħaq li dwar din il-leġiżlazzjoni marbuta ma’ tniġġis tal-bastimenti u li tolqot il-qasam tal-merkanzija, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tagħżel li taġixxi fl-interess partiġġjan minflok dak nazzjonali.
“L-Oppożizzjoni, minflok tiġbed il-ħabel favur Malta, tibqa’ tipprova tiskorja punti politiċi. Hekk għamlet fil-pandemija. Hekk għamlet fil-proċess tal-FATF. Hekk għamlet waqt il-Gwerra tal-Ukrajna. Hekk għamlet meta pajjiżna kien qed jiffaċċja l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari. U dawn huma biss ftit eżempji fejn fl-ebda minn dawn l-Oppożizzjoni ma ġibdet il-ħabel ta’ Malta u minflok attakkat biss lill-Gvern”, innota l-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista saħaq li Gvern Laburista jibqa’ jaħdem favur in-negozji u l-familji Maltin u Għawdxin, filwaqt li l-Oppożizzjoni tibqa’ mhedija fil-politika tal-imgħoddi, għax li tiġbed il-ħabel favur l-interess nazzjonali hi xi ħaġa li ma tgħallmet tagħmilha qatt.