Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, qal li mhux importanti li l-Gvern Malti jkollu l-maġġoranza tal-ishma fil-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta.
Dan juri d-differenza fil-ħsieb bejn Simon Busuttil u Joseph Muscat. Dalgħodu, l-Prim Ministru spjega l-viżjoni ċara ta’ Gvern Laburista, li għall-Air Malta hemm bżonn imsieħba strateġiċi, li m’humiex ġejjin minn kontinent wieħed.
Jiġifieri Gvern Laburista qed jirrikjedi li l-konsorzju jkollu sieħeb strateġiku u li l-Istat iżomm il-maġġoranza tal-ishma biex qatt ma jitlef il-kontroll fuq il-linja nazzjonali tal-ajru li għandha importanza strateġika għal Malta.
Simon Busuttil ma ta ebda dettalji ta’ x’se jkun qed jagħmel biex isalva l-Air Malta iżda saħaq li għalih mhux importanti li l-Istat iżomm kontroll strateġiku fuq il-linja tal-ajru Maltija biex jiġi assigurat, li fost oħrajn, ma jintilef ebda impjieg.
Min-naħa l-oħra Gvern Laburista diġà għandu l-kredibilità hekk kif irnexxielu jsalva l-Enemalta u l-prijorità tiegħu f’dan il-ftehim huwa li ma jintilef ebda impjieg.