Għal Simon Busuttil, il-każ tal-Lowenbrau huwa każ magħluq u għamilha ċara iktar minn qatt qabel li mhux se jkun qed jieħu passi kontra d-deputat tiegħu Jason Azzopardi, li kien responsabbli fi żmien li sar ftehim li permezz tiegħu l-gvern daħħal ftit mijiet ta’ eluf ta’ ewro, għal art li tiswa tmien miljun ewro.
Busuttil dalgħodu qalilna li l-Partit Nazzjonalista diġa’ tkellem biżejjed dwar dan il-każ u m’għandu xejn iżjed xi jżid.
Dan minkejja li rapport tal-Awditur li Ġenerali ppubblikat f’Diċembru jgħid li trid tintrefa’ r-responsabbiltà politika, u żewġ każi ta’ xhieda ġuramentata li jgħidu li intervjena l-Ministru.
Dokumenti li ħarġu minn wara r-rapport tal-Awditur Ġenerali jġibu fix-xejn għemil Busuttil, li jrid jibqa’ jiddefendi lil Jason Azzopardi akkost ta’ kollox.
Hemm xhieda ta’ Żaren Vassallo li tikkonferma li tal-Marsovin tkellmu mal-Ministru biex tneħħew il-kundizzjonijiet marbuta mal-art. Tant tneħħew b’mod ħażin, li l-Kummissarju tal-Artijiet ta’ dak iż-żmien beża’ li se jmur il-ħabs.
Fit-tieni każ Żaren Vassallo xehed li fl-2011 kien imwiegħed kompromess meta Dipartiment tal-Artijiet ġie biex jirranġa l-iżball.
Iżda, Busuttil ma jridx jaf b’dawn id-dokumenti tal-Qorti, għax lil Jason Azzopardi jrid iżommu miegħu.