Il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jridx jitkellem dwar wieħed mill-ikbar skandli ta’ kull żmien.
Dak tal-konkos difettuż f’Mater Dei, li biex jittranġa se jkollhom jintefqu mija u ħamsin miljun ewro mit-taxxi tan-nies.
Dan hu pruvat b’rapporti t’esperti internazzjonali. Iżda biex ma jitkellimx dwar skandlu li seħħ fi żmien il-Gvern tiegħu, Busuttil prova jitfa’ dubji dwar l-esperti u tkellem dwar “is-suppost konkrit difettuż ta’ Mater Dei”.
Dak li għal Busuttil huwa suppost, kien deskritt bħala gravi minn Andrew Harrisson, id-direttur tal-kumpanija Arup. Ma’ ONE NEWS, Harrisson kien qal: “I would say it is very unusual to come across a case like this, where there’s quite an extensive issue around the concrete strength across two of the blocks.”
Mitlub jikkumenta dwar jekk qatt iltaqax ma’ sitwazzjoni simili b’binja pubblika, wieġeb “No, not in my experience, no”.
Fid-dawl ta’ dikjarazzjoni bħal din, erġajna staqsejna lil-Busuttil, iżda baqa’ jaħab.
Mistoqsi għala huwa skomdu jitkellem dwar il-konkos ta’ Mater Dei, Simon Busuttil għażel li jibqa’ għaddej u jidħol fil-karozza.
Kien il-Prim Ministru, Joseph Muscat, li nhar il-Ħadd li għadda żvela kif dan il-każ, li jinvolvi nies qrib Simon Busuttil, se jiswa lil min iħallas it-taxxa mija u ħamsin miljun ewro. Dan wara li l-isptar sewa tliet mija u ħamsin miljun ewro aktar minn kemm stmat.
Il-Prim Minstru rrefera għal din bħala “inkompetenza grassa” ta’ nies li issa hemm min hu CEO tal-Partit Nazzjonalista.