Minkejja l-ġid kbir li twettaq taħt Gvern Laburista, Bernard Grech sostna li pajjiżna qed jgħix f’inkubu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal dan waqt intervista fuq l-istazzjon nazzjonali meta kien mistoqsi dwar il-ġid kbir li sar fl-aħħar snin.
Hekk kif il-preżentatur elenkalu ħemel ta’ miżuri u għajnuna li pprovda l-Gvern, Bernard Grech qal hekk.
Min naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li grazzi għall-isituzzjonijiet li jaħdmu, fl-aħħar xhur f’pajjiżna tressqu persuni quddiem il-ġustizzja li l-ebda Gvern qatt mess magħhom.
Qal, “Il-kwistjoni tal-interess nazzjonali fejn hi li hija tant meħtieġa fl-għoti ta’ kull maħfra? Kif jista’ jkollok deputat ewlieni tal-Oppożizzjoni llum li qed jikkonfoffa ma’ min qed jiddefendi l-kriminali u dik hija d-differenza ewlenija. Aħna Gvern li ġġilidna u waqafna għal dawk li kienu untouchables fil-kriminalità organizzata. Ħaddieħor qed jikkonfoffaw magħhom. Dawk li qed jippriedkaw fuq il-governanza t-tajba qed jikonfoffaw mal-kriminali.”
Minkejja dan, Bernard Grech ried ixejjen dan kollu.
Qal, “Toqgħodx tgħidli għax in-nies qed jitressqu l-Qorti.”
B’differenza l-Prim Ministru rrimarka s-sinerġija tant importanti bejn l-istituzzjonijiet.
Sostna, “Din is-sinerġija tinħass illum, tinħass li għandek sinerġija. Jekk naqbdu il-proċess investigattiv ejja nsemmu l-kriminalità organizzata, bdejtx mill-FIAU umbagħad imxejtx lejn it-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi tal-Korp tal-Pulizija umbagħad imxejtx għand Maġistrat Inkwirenti.”
Madankollu Bernard Grech kompla bid-diskors negattiv tiegħu minkejja l-fatti preżentati quddiemu.
Qal, “L-istituzzjonijiet sfortunatament illum għadhom imrażżna.”
Grech qal dan minkejja li l-Gvern, grazzi għar-riformi bla preċedent li wettaq fl-aħħar xhur, ħoloq mudell istituzzjonali li se jservi għal snin twal.
Spjega, “L-istituzzjonijiet illum kif ħloqnihom ħloqna mudell, framework istituzzjonali li jrid iservi lil dan il-pajjiż għas-snin li ġejjin biex ma niġux 5 snin, 10 snin, 15-il sena oħra, jaf ikun hemm Gvern Laburista jew Gvern imexxi mill-Partit Nazzjonalista u ngħidu ara erġajna għamilna l-istess żbalji li saru qabel l-2013.”
Fid-dawl ta’ dan Bernard Grech ma ġerraħx il-passi fid-direzzjoni t-tajba li anki l-Kummissjoni Ewropea nnutat.
Qal, “Mhux biżżejjed li tgħid li inti qed tipprova tagħmel aħjar.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-istedina tiegħu biex Jason Azzopardi u anke Bernard Grech jissostanzjaw allegazzjonijiet li tkellmu fuqhom.
Sostna, “Ftit ilu kellna dibattitu parlamentari u kelli l-opportunità għidt ħa nara Jason Azzopardi għax iħobb jitkellem bil-privileġġ parlamentari anzi jagħżel li jitkellem normalment bil-privileġġ parlamentari. Staqsejtu darba, darbtejn, tliet darbiet, erbgħa darbiet, qum bil-wieqfa u għidli għal min qed tirreferi. L-istess stedina għamilta lill-Kap tal-Oppożizzjoni. Bilqiegħda kienu, bilqiegħda baqgħu.”
Dwar kif tiġi pproċessata proklama quddiem il-Kabinett, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dejjem jaġixxi b’lealtà u serjetà.
Qal, “Nitolbu l-parir tal-Avukat Ġenerali, nitolbu l-parir tal-Kummissarju tal-Pulizija. Hekk isiru l-affarijiet umbagħad nagħmlu d-domandi kollha li huma meħtieġa lill-Kummissarju tal-Pulizija, id-domandi kollha lill-Avukat Ġenerali umbagħad ngħaddu għall-ġudizzju. Il-ġudizzju tal-Kabinett ppresedut minni nieħdu b’serjetà u lealtà lejn il-ġurament tal-ħatra.”
Intant tul l-intervista d-differenza bejn Bernard Grech u Robert Abela kompliet toħroġ fil-beraħ.
Bernard Grech kompla ma’ numru ta’ dikjarazzjonijiet minn tiegħu mindu laħaq Kap, fejn jgħid li Malta mhux pajjiż normali.
Qal, “Irrid partit jien li jkompli jaħdem biex lil dan il-pajjiż inġibuh normali.”
Il-preżentatur staqsih ukoll dwar Simon Busuttil, b’Bernard Grech deher skomdu għall-aħħar.
Qal, “Simon Busuttil jista’ jkun qed jaħseb biex jerġa’ joħroġ għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista jew jerġa’ jidħol fil-politika imma smajtha din tal-Kap. Taf b’xi ħaġa inti, vera din?”
“Inti staqsejtu? Mela saqsi lilu.”
Grech ġie mistoqsi wkoll jagħmilx apoloġija għal xi ħaġa mindu laħaq Kap.
Minkejja li fost oħrajn ġie żvelat li għal numru twil ta’ snin ma ddikjarax u ma ħallasx taxxa, Grech qal li ma jafx fuq xiex għandu jiskuża ruħu.
Intant il-Prim Ministru aċċenna li l-Partit Laburista huwa moviment b’saħħtu.
Qal, “L-Oppożizzjoni li qaltlek l-apoloġija mhux biżżejjed, għax xi jridu fil-verità. Dawn iridu li l-Partit Laburista jżarma u lil min irid li l-Partit Laburista jżarma ngħidlu tista’ tibqa’ tistenna għaliex il-Partit Laburista kien b’saħħtu, għadu b’saħħtu u se jkompli jissaħħaħ u defenittivament mhux se jżarma.”