Fil-Każin Nazzjonalista taż-Żurrieq, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech issokta bl-attakki ħarxa tiegħu fuq il-Budget.
Għalih il-Budget li ppreżenta l-Gvern it-Tnejn li għadda kien fih il-kliem fil-vojt.
Qal, “Minflok soluzzjonijiet kien hemm kliem fil-vojt.”
Quddiem miżuri soċjali, bħaż-żieda fil-pensjonijiet, għajnuniet għall-persuni b’diżabilità, kumpens addizzjonali għall-għoli tal-ħajja lil nies vulnerabbli u għotja t’għaxart elef ewro lil first-time buyers, Bernard Grech infexx jattakka lill-Prim Ministru u lill-Ministru għall-Finanzi.
Qal, “Clyde u Robert evidentament m’għandhom ebda soluzzjoni għad-diffikultajiet illi għandhom in-nies.”
Waqt dan id-diskors, Bernard Grech għal darba darbtejn qal li l-Budget, li fih hemm iddedikati iżjed minn sitt mitt miljun ewro għall-prezzijiet stabbli fil-kontijiet tad-dawl, huwa “more of the same”.
Miegħu kompla l-kelliem għall-Finanzi tal-Partit Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia, li fil-jiem li għaddew ippreżenta mal-Kap id-dokument ta’ qabel il-Budget tal-Partit Nazzjonalista, deskritt mill-midja bħala mess u mimli tgerfix.
Qal, “Dan il-budget fis-sustanza ma jgħid xejn.”
Ma naqasx ukoll li Caruana Cilia żied mal-messaġġ ta’ Bernard Grech, li qal li l-Gvern qed iberbaq il-flus filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni tenna hekk.
Qal, “Dan huwa Budget ukoll kosmetiku.”