Il-Partit Nazzjonalista kompla jattakka ħidmet il-forzi tal-ordni, din id-darba permezz tad-Deputat Beppe Fenech Adami.
Proprju fl-ewwel jum li fih iltaqa’ l-Parlament wara l-waqfa tas-Sajf, id-Deputat tal-establishment Nazzjonalista maqdar il-ħidma tal-Gvern u ħidmet il-Forzi tal-Ordni u pprova jirridikolahom.
Qal, “Il-Gvern, fis-sapjenza tiegħu, prova jagħmel, jiena ngħid, fil-ġranet li għaddew, xow.”
B’reazzjoni għall-aħbar li 208 persuni nqabdu li kienu f’pajjiżna illegalment u 184 minnhom ġew ripatrijati f’pajjiżhom, Beppe Fenech Adami qal li din hija biss “xenografija”.
Qal, “Parti mix-xenografija, parti mill-parade.”
B’reazzjoni għal dawn id-dikjarazzjonijiet iebsa, irribatta l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri.
Madankollu, Beppe Fenech Adami għażel li jibqa’ jitkellem bl-istess lingwaġġ ta’ tgħajjir.
Qal, “Għamiltu xow bihom, għamiltu xow bihom.”
Dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ Fenech Adami jmorru id f’id mal-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar il-ħidma tant siewja mill-forzi dixxiplinati b’rabta mal-immigrazzjoni irregolari u ma’ persuni li jkunu f’pajjiżna illegalment.
Proprju ftit tal-jiem ilu, il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista Joe Giglio rrefera għall-aħħar operazzjonijiet li saru bħala “teatrin”.
Fl-istess keffa jaqa’ d-Deputat Nazzjonalista Alex Borg, li waqt attività politika tal-PN qal hekk.
Qal, “Jagħmlu erbgħa rejds biex taparsi qed jagħmlu xi ħaġa.”
Intant, il-Ministru Byron Camilleri semma, fost l-oħrajn, il-ħidma tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili b’rabta ma’ Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar l-Esplożivi u l-Liġijiet Varji dwar il-Protezzjoni Ċivili.
Filwaqt li elenka l-investiment kbir li sar mill-Gvern fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fl-aħħar snin, il-Ministru Camilleri kellu tħabbira b’rabta ma’ investiment ta’ €2 miljun.
Qal, “Ninsab f’pożizzjoni li nkun nista’ nħabbar li daqt tasal Malta qoxra oħra tal-baħar, b’investiment ta’ €2 miljun, li tkun tista’ tagħti għajnuna immedjata meta jkun hemm bżonn salvataġġ fuq il-baħar minn ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, anke permezz ta’ koordinament ma’ ħaddiema ta’ entitajiet oħrajn li wkoll jintalbu jagħtu l-ewwel għajnuna.”