Il-Union Ħaddiema Magħqudin laqgħet il-miżuri li tħabbru fil-Budget.
Is-Segretarju Ġenerali tal-UHM, Josef Vella, faħħar fost l-oħrajn it-tnaqqis fit-taxxa għall-ħaddiema part time b’5% u anke l-estensjoni u ż-żieda tal-in-work benefit, u sejjaħ dawn il-miżuri bħala strumenti biex tiżdied il-produttività.
Rigward il-miżura li tippermetti l-ħaddiema b’aktar minn xogħol wieħed part time iħallsu l-bolla fuq aktar minn xogħol wieħed biex tgħinhom fil-futur rigward il-pensjonijiet, huwa sejjaħ din il-miżura bħala waħda li tirrikonoxxi r-realtajiet ta’ ħaddiema.
Vella stqarr li l-Budget huwa wieħed li jixpruna u jinkoraġixxi x-xogħol u li l-miżuri mistennija li jħallu r-riżultati.