Meta ninsabu fl-eqqel tas-sajf, bħalissa għaddejjin l-aħħar tħejjijiet biex, minn Ottubru li ġej, il-programm edukattiv ĠEM16+ jerġa’ jilqa fi ħdanu studenti li jixtiequ li jġibu jew itejbu r-riżultati tal-O levels tagħhom fis-sena akkademika li ġejja.
Dan il-programm edukattiv joffri opportunità ta’ sena bi stipendju, biex studenti jkomplu jitgħallmu suġġetti akkademiċi li jwassluhom għall-eżamijiet tal-O Levels tas-SEC.
Permezz ta’ kurrikulu riparatorju, l-għalliema jkunu jistgħu jiffukaw aktar fuq il-ħtiġijiet individwali tal-istudenti għax joffri klassijiet żgħar għal kull suġġett, b’attenzjoni individwali. Barra dan, il-programm joffri servizz ta’ guidance u mentoring biex kull student jemmen iktar fih innifsu u b’hekk ikun jista jimxi iktar ’il quddiem fl-istudji tiegħu.
Studenti li temmew l-edukazzjoni obbligatorja, għandhom ċertifikat ta’ tmiem l-iskola sekondarja, u jixtiequ jkomplu jirsistu għall-marki aħjar fl-O levels jistgħu japplikaw minnufih.
Il-programm tal-ĠEM16+ joffri l-opportunità lill-istudenti biex jitħejjew għall-eżamijiet tal-O Levels fil-Malti, fl-Ingliż, fil-matematika, u f’suġġett wieħed ieħor minn fost il-fiżika, il-bijoloġija u l-ICDL. Barra dan, il-programm jinkludi l-edukazzjoni fiżika u l-PSCD.
Studenti li jkunu diġà ġabu suġġett fl-eżami tas-SEC b’marka minn 1 sa 5 ma jkollhomx għalfejn jidħlu għal-lezzjonijiet fis-suġġett partikolari.
Iċ-ċertifikat aħħari tal-ĠEM16+ mhuwiex imsejjes biss fuq l-eżami. Fil-fatt, jinkludi wkoll assessjar kontinwu li jsir matul is-sena u jiffoka wkoll fuq ġabra ta’ ħiliet li l-istudenti juru fil-klassi u fix-xogħol tagħhom bħall-attitudni, is-sens ta’ inizjattiva, il-komunikazzjoni, u l-organizzazzjoni.
Il-Kap tal-programm ĠEM16+, Innocent Aquilina, qal li kull student mhux biss jingħata stipendju imma jgawdi minn beneffiċċji importanti.
“L-akbar benefiċċju li għandu huwa illi l-programm huwa akkreditat bi kwalifika fuq livell 3 jew 2 tal-Malta Qualifications Framework, li tinkorpora s-suġġetti kollha, u jkun jista jużah biex imur f’istituzzjonijiet oħra, bħalma hija l-Higher Secondary.”
Aquilina appella lill-istudenti biex ma jaqtgħux qalbhom.
“L-appell tagħna huwa wieħed: dak li jkun m’għandux jaqta qalbu. It-toroq huma ħafna; aħna qegħdin hawn biex inkunu ta’ sostenn għalihom, ta’ għajnuna kbira.”
Għal aktar dettalji wieħed jista jidħol fuq il-paġna ta’ Facebook tal-ĠEM16+ jew iċempel fuq 25983850 għal appuntament personali.
L-applikazzjonijiet għadhom miftuħa fuq education.gov.mt/gem16plus