Il-bdiewa Maltin u Għawdxin qed jiġu mħeġġa u megħjuna dejjem iktar b’inċentivi u investimentibiex ikunu jistgħu jagħmlu l-bidla lejn biedja organika.
Dan isegwi l-ħidma wara li iktar kmieni din is-sena ġie mfassal l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni għall-Ikel Organiku.
B’dan il-pjan, Malta stabbiliet mira li tikseb sehem ta’ ħamsa fil-mija ta’ art agrikola bħala biedja organika sas-sena 2030, u titwettaq il-viżjoni li l-konsumaturi jkollhom għażla ta’ ikel organiku ta’ kwalità għolja mill-biedja u l-akwakultura lokali.
Hekk kif inhu stabbilit f’waħda mill-miżuri ta’ dan il-Pjan, permezz tal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali, il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, bħalissa qed jilqa’ l-applikazzjonijiet għall-assistenza finanzjarja lill-bdiewa sabiex tkun iffaċilitata l-konverżjoni lejn biedja organika.
L-Ambaxxattriċi għall-Ikel Organiku u Sostenibbli, Sonya Sammut uriet is-sodisfazzjon tagħha fir-rigward tal-inizjattivi li qed jitwettqu sabiex is-settur tal-ikel organiku jimxi ’l quddiem.
Qalet, “L-Attività kienet intenzjonata biex inħeġġu u ninċentivaw lil dawk li jkbarru ż-żebbuġ biex jersqu lejn il-miżuri ta’ għajnuna u investiment li qiegħed jagħmel il-Gvern biex ikollna żejt ta’ żebbuġa li mhux biss ikun Malti imma wkoll organiku.”
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo spjega li b’dawn il-miżuri, qed jinħolqu swieqi ġodda li jħallu benefiċċji għall-bdiewa u għall-konsumaturi.
Qalet, “Wara firxa wiesa’ ta’ konsultazzjoni nedejna l-pjan nazzjonali għall-biedja organika. Aħna identifikajna diversi setturi f’dan il-qasam u illum bdejna b’laqgħa li jkabbru ż-żebbuġ.”