Permezz ta’ ftehim mal-Gvern, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol se tkun qed tirċievi għajnuna finanzjarja ta’ disa’ mitt elf ewro fuq medda ta’ tliet snin li ġejjin.
Terz minn din is-somma se tiġi investita fi proġetti infrastrutturali li għandha l-MFA u ż-żewġ terzi l-oħra se jkunu qed imorru f’reklamar għat-tim nazzjonali Malti.
Il-ftehim se iwassal ukoll biex ikun hemm sħubija bejn Visit Malta u tim nazzjonali, fejn VisitMalta se tkun l-isponsor uffiċjali tat-tim nazzjonali tal-irġiel u tan-nisa.
Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo qal li b’dan l-investiment, l-MFA tista’ tibqa’ għaddejja bil-proġetti infrastrutturali tagħha.
Qal, “Il-ftehim tal-lum jgħinna ħafna biex aħna nibqgħu nidħlu f’dawk li huma l-aktar elementi professjonali biex aħna nibqgħu nsaħħu dik li hija l-prestazzjoni tat-timijiet tagħna.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo spjega li l-Gvern qed jinvesti aktar flus sabiex tkompli jiġi msaħħaħ is-settur ta’ turiżmu sportiv.
Qal, “Visit Malta se tkun qed tinvesti disa’ mitt elf ewro sabiex insaħħu n-niċċa ta’ turiżmu sportiv. Investiment li se jmur biex naraw li kemm il-logħba tal-futbol kif ukoll l-isport inġenerali f’pajjiżna ikun fuq pjattaforma oħra fejn jidħol it-turiżmu.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima spjega li dan il-ftehim se iservi ta’ spalla għal diversi klabbs u għaqdiet sportivi.
Qal, “Permezz ta’ inizjattivi, din it-tip ta’ kollaborazzjoni tiżgura li tkompli ġġib turisti ta’ kwalità lejn pajjiżna u fuq kollox nibqgħu nirreklamaw il-kwalitajiet sbieħ li pajjiżna kapaċi joffri.”