Tnediet l-iskema Sens-Ability li għall-ewwel darba se tkun qiegħda tagħti għajnuna finanzjarja li tlaħħaq is-sitt elef ewro biex ġenituri ta’ tfal u adulti bl-awtiżmu jew li għandhom diffikultajiet biex jipproċessaw l-informazzjoni sensorjali jkunu jistgħu jagħmlu dan f’kamra apposta f’darhom, imsejħa sensory room.
Din l-iskema tnediet minn mart il-Prim Ministru Dr. Lydia Abela u l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes.
Din l-iskema ġiet imfassla mill-Gvern flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri tat-tfal bl-awtiżmu.
Skema li fi kliem uffiċjal tal-Assoċjazzjoni u omm ta’ tliet itfal bl-awtiżmu, Valerie Brincat, ilha mistennija għal snin twal.
Hija qaltilna: “Challenge behaviour, u l-fatt li jkollna din il-kamra nistgħu nagħmlu terapija u anki l-familji tagħna nkunu nistgħu nkampaw aħjar.”
Dr. Lydia Abela qal din l-iskema tħabbret għax il-politiku u l-familji fil-bżonn tkellmu flimkien.
Spjegat kif b’din l-iskema mhux biss se nkunu qed ngħinu lil numru ta’ individwi u familji, iżda fuq kollox qed jintbagħat messaġġ u sinjal ċar u b’saħħtu li ħadd mhu minsi.
Is-Sinjura Abela stqarret: “Din l-iskema setgħet isir għax il-politiku tkellem ma dawn il-familji. Jien nħares ‘il quddiem sabiex fil-futur nitkellem ma’ dawn il-familji.”
Il-Ministru Roderick Galdes spjega li din l-iskema, li se titħaddem mill-Awtorità tad-Djar hija mera tal-politika li qed titħaddem fis-settur tal-housing soċjali f’Malta.
Il-Ministru Galdes sostna: “L-istat qed jgħin lil dawn il-familji. Noħorġu l-abilità ta’ dawn it-tfal, biex jimxu f’ħajjithom illum il-ġurnata.”