Special Olympics Malta se tkun qed tgawdi minn għajnuna finanzjarja rekord ta’ erba’ mija u għoxrin elf ewro fuq medda ta’ tliet snin.
Dan wara li f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Pixxina Nazzjonali tal-Qroqq it-Tnejn waranofshinar ġie ffirmat ftehim bejn SportMalta u anke Special Olympics Malta.
Dan il-ftehim se jkun qed jgħin lil atleti ta’ Special Olympics Malta sabiex ikunu jistgħu ikomplu jipparteċipaw fil-Logħob Internazzjonali tal-Olimpjadi Speċjali u anke f’training camps barra minn xtutna. Barra minn hekk, permezz ta’ dawn il-fondi, Special Olympics Malta se tkun qed tinvesti f’kits u apparat li jkollha bżonn minn żmien għal żmien.
Mart il-Prim Ministru u l-President ta’ Special Olympics Malta, Dr Lydia Abela qalet kif b’dawn il-fondi se jkunu qed igawdu minnhom kemm l-atleti kif ukoll il-ġenituri tagħhom.
Qalet kif, “Bi kburija ngħid u b’sodisfazzjon li ffirmajna l-akbar pakkett finanzjarju għall-atleti tagħna u għall-ġenituri tagħhom. B’dawn il-fondi special olympics Malta se tkun ukoll qiegħda takkwista apparat biex tkompli tgħallem lill-atleti tagħha kif ukoll se tkun qed toffri health programme għall-atleti tagħna, fejn se jkollhom ukoll servizz ta’ tobba speċjalizzati fil-fitness u anke podoloġija.”
Hawnhekk hija spjegat kif is-sena li ġejja għal ewwel darba f’għoxrin sena pajjiżna se jilqa’ l-logħob internazzjonali ta’ Special Olympics.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima nnota s-suċċessi li wettqu l-atleti b’diżabilità Maltin u Għawdxin fis-snin li għaddew.
Spjega, “Permezz tiegħu se nagħtu aktar stabbilità li fuqha Special Olympics tista’ tibni l-pjan ta’ ħidma fis-snin li ġejjin u rrid ngħid ukoll li hawnhekk qegħdin nitkellmu dwar investiment rekord f’dan is-settur tant importani, settur li jħares lejn riżultati sportivi kif ukoll f’dak li huwa l-iżvilupp sħiħ tal-persuna.”
Min-naħa tagħha l-Ministru għall-Inklużjoni u Kwalità ta’ Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet kif b’din l-għajnuna se tkompli tiġi ċċelebrata l-inklużjoni f’pajjiżna.
Qalet, “Messaġġ b’saħħtu li se tkun qed tibgħat Malta propju fis-sena d-dieħla fejn hemmek se naraw lil Olympics Speċjali ta’ madwar id-dinja li se tkun qed tilqa’ Malta l-isport, imma wkoll id-diżabilità li se jibagħtu messaġġ b’saħħtu li fl-isport ma hemm l-ebda fruntiera.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar saħaq li hija l-missjoni ta’ SportMalta li tgħin sabiex ikun hawn soċjetà inklussiva u għalhekk dan il-kuntratt għandu importanza kbira.