Grazzi għal ftehim bejn il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u l-Universita ta’ Malta, li permezz tiegħu kien twaqqaf programm ta’ studju fil-Petroleum Studies fuq livell Masters, erba’ studenti li temmew dan il-programm, ingħataw opportunità addizzjonali biex jattendu kors ta’ ‘Well Control’, li kien jinvolvi wkoll taħriġ fuq id-Drilling Simulator.
Dan il-kors ingħata fl-akkademja ta’ Ablecare, li tifforma parti mill-organizzazzjoni Ablecare Oilfield Services Group, il-kumpanija li ser tkun qed tiżviluppa l-Mediterranean Maritime Hub. L-iskop prinċipali ta’ dan il-proġett hu li jipprovdi soluzzjonijiet u servizzi reġjonali għas-settur taż-żejt u l-gass fil-Mediterran, l-Afrika u fil-Lvant Nofsani. Din l-akkademja toffri korsijiet tekniċi f’diversi oqsma tal-industrija taż-żejt u diġà investiet fi Drilling Simulator mill-aqwa.
Waqt il-preżentazzjoni taċ-ċertifikati lil dawn l-istudenti, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi fakkar li bħal dan iż-żmien sena, il-Ministeru għat-Trasport u l-Università ta’ Malta ffirmaw ftehim li permezz tiegħu, parti mill-fondi li ngħataw lill-Gvern minn kumpaniji taż-żejt għall-għan ta’ edukazzjoni fil-qasam tat-tiftix għaż-żejt, jintużaw sabiex jitwaqqaf programm ta’ studju fil-Petroleum Studies fuq livell Masters fl-Università ta’Malta.
Għal dan il-għan, il-Gvern ta €25,000 lill-Università biex twaqqaf dan il-programm ta’ studju u bihom iġib għalliema esperti f’dan is-suġġett minn Universitajiet barranin.
Il-Ministru Mizzi, filwaqt li ħeġġeġ aktar studenti biex jieħdu interess f’dan il-qasam ta’ studju, tenna li l-Gvern se jkompli jinvesti fl-edukazzjoni fil-qasam taż-żejt u l-gass sabiex aktar persuni jkunu mgħallma f’dan is-suġġett.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Chris Cardona, li kien preżenti wkoll għall-preżentazzjoni taċ-ċertifikati, awgura lill-istudenti u stqarr li l-Gvern se jkompli jieħu deċiżjonijiet li jwasslu għal impatt pożittiv fuq il-workforce tal-pajjiż, f’dak li hu ħolqien ta’ impjiegi u impjiegi ta’ kwalità, filwaqt li jkompli jagħraf u jinvesti f’setturi ġodda li jibqgħu jżommu pajjiżna f’livell kompettitiv.