Tħabbret skema bl-isem ta’ Cyber+Alt: Agħżel Li Tipproteġi; skema li biha negozji żgħar u medji se jkollhom l-opportunità li jinvestu fis-sigurtà ċibernetika.
Permezz ta’ fond totali ta’ żewġ miljun ewro – miljun minn fondi nazzjonali u miljun ieħor mill-fondi Ewropej – din l-iskema se tgħin lill-SMEs iwettqu proġetti sabiex jsaħħu s-sigurtà ċibernatika.
Mill-iskema total ta’ tlieta u tlettin SME se jibbenefikaw minn fond massimu ta’ €60,000 kull waħda, biex tkompli tissaħħaħ is-sigurta ċibernatika f’pajjiżna.
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri, ħabbar dan flimkien mas-Segretarju Palramentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonnet.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Schembri fakkar fl-istrateġija nazzjonali ‘Malta Diġitali, li tnediet Novembru li għadda. Din l-istrateġija nazzjonali tara li pajjiżna jkun xempju ta’ eżempju fit-trasformazzjoni diġitali waqt li tkun konxja tal-opportunitaijiet soċjali u dawk ekonomiċi. Din tara li l-Gvern mhux biss jkollu rwol ta’ regolatur iżda ukoll jkun ta’ għajnuna f’bidla lejn id-diġitilizazzjoni flimkien mas-setturi ekonomiċi u soċjali.
“Mingħajr dawn is-sistemi qisek għandek ħanut, ħallejt il-bieb miftuħ u tlaqt lejn id-dar. Dan il-messaġġ li rridu nwasslu: l-importanza li l-SMEs mhux biss joffru s-servizz tagħhom online imma jinvestu fl-aspett diġitali u din il-miżura qiegħda hemmekk sabiex tikkumplimenta l-politika tal-gvern f’dan l-aspett u anki nassistu b’mod finanzjarjum fejn saħansitra f’dan il-każ qed nagħtu tmenin fil-mija tal-ispiża tal-investiment li jkun hemm bżonn.”
Intant is-Segretarju Parlamentari Chris Bonnet saħaq fuq l-importanza li pajjiżna jkun modern u reżiljenti fejn tidħol il-kriminalità onlajn. Huwa faħħar din l-inizjattiva, li se tkun ta’ benefiċċju għal-diversi SMEs li jixtiequ jsaħħu s-sigurta ċibernatika.
Huwa kompla jgħid li din l-iskema se tgħin mhux biss lin-negozji iżda wkoll il-klijenti li jkollhom l-informazzjoni personali tagħhom għandhom.
Kull min hu interessat jista’ jżur is-sit https://ncc-mita.gov.mt/cyber-alt biex japplika għal din l-iskema.