Il-Bank Malti għall-Iżvilupp, l-MDB, fetaħ żewġ skemi mmirati biex intrapriżi żgħar u medji jkollhom il-faċilità li jassiguraw fondi ħalli jkunu jistgħu jkabbru n-negozju tagħhom.
Dan wara ftehim strateġiku li l-bank għalaq ma’ tliet banek kummerċjali ewlenin f’pajjiżna li huma l-BOV, l-HSBC u l-APS.
L-iskemi jisimhom SME Guarantee Scheme u Guaranteed Co-Lending Scheme bil-għan aħħari tagħhom ikun dak li jinkoraġġixxu imprendituri lokali jinvestu fin-negozju tagħhom, kemm f’industriji innovattivi, iżda wkoll f’dawk meqjusin tradizzjonali.
Aktar dwar dan tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-Bank Malti għall-Iżvilupp, Paul Azzopardi, li spjegalna kif taħdem l-ewwel skema.
Qal, “L-SME Guarantee Scheme titla’ sa tmenin miljun ewro f’loan, jiġifieri loans li nikkaverjaw, tmenin fil-mija tal-loan li jagħti l-bank. Mela jekk xi ħadd imur jissellef mitt elf u jfalli, tmenin elf inħallsuhom aħna. Allura l-bank ikollu iktar kumdità biex isellef, allura jsellef iktar.”
Dan ifisser li s-sehem tal-Bank Malti għall-Iżvilupp jaqsam ir-riskju marbut man-negozju u b’hekk dak li qabel għal bank kummerċjali kien meqjus bħala riskjuż iżżejjed, issa r-riskju huwa wieħed fil-parametri tal-bank u aċċettabbli.
Intrapriżi żgħar u medji huma l-aktar li jkollhom bżonn dawn it-tip ta’ skemi, minħabba l-fatt li ma jkunux stabbiliti allura ma jkollhomx x’jagħmel tajjeb f’każ li l-kreditu mogħti ma jkunx jista’ jitħallas lura. Bil-konsegwenza tkun li l-loan oriġinali tkun suġġetta għal rati ta’ imgħax għoljin jew inkella li l-loan ma tkunx tista’ tingħata. Il-Bank Malti għall-Iżvilupp jindirizza proprju dawn iż-żewġ sfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom dawn in-negozji u li ħafna minnhom ikunu għadhom fil-bidu tagħhom.
Azzopardi ta eżempju wkoll ta’ kif taħdem it-tieni skema, intitolata l-Guaranteed Co-Lending Scheme.
Qal, “Ejja ngħidu bniedem imur ħa jieħu l-loan ta’ tliet miljun ewro pereżempju. Mela miljun u nofs noħorġuh aħna, miljun u nofs joħorġu l-bank kummerċjali tiegħu. Aħna niggarantixxu sittin fil-mija tal-loan li joħroġ il-bank.”
Dan ifisser li l-bank kummerċjali jkun qiegħed iġorr biss erbgħin fil-mija tan-nofs li jkun ħareġ oriġinarjament, b’hekk ir-riskju għalih ikun iżgħar minn dak li jġorr il-Bank tal-Iżvilupp.
Il-Bank tal-Iżvilupp, iżda, jista’ jagħmel dan, għax huwa għandu aċċess għall-fondi minn banek bħall-Bank Ewropew għall-Investiment u l-Bank tal-Kunsill Ewropew li jkunu għaddewlu l-fondi b’imgħax relattivament baxx.
Fl-aħħarnett, Azzopardi spjegalna x’għandhom jagħmlu l-intrapriżi biex ikunu jistgħu igawdu minn dawn l-iskemi.
Qal, “Li jiġri ġeneralment hu li jmorru l-bank u jgħidu isma’ hawn dawn l-iskemi, jiena għandi dan il-proġett. Jiena nista’ ddaħħalni fih? Il-banek imbagħad għandhom l-agreements magħna u jdaħħluh ġo l-iskemi.”