Għoxrin artiġjan li jaħdmu fil-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta’ Qali u li lestew ix-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni fuq il-proprjetà tagħhom, se jgawdu minn assistenza pprovduta minn INDIS Malta.
Permezz ta’ din l-assistenza, l-artiġjana mhux se jħallsu l-ewwel sentejn ta’ kera dovuta lil INDIS Malta. Fit-tmien snin ta’ kera li jkun imisshom wara, jiġifieri mit-tielet sal-għaxar sena ta’ kera, il-ħlas se jiġi pospost għat-tmien snin ta’ wara. Dan ifisser li dawn l-artiġjana se jibdew iħallsu l-kera mill-ħdax-il sena ’l quddiem.
B’dan il-mod, INDIS Malta mhi se tiġbor l-ebda pagamenti ta’ kera mingħand dawn l-inkwilini għall-għaxar snin li ġejjin u allura jkollhom aktar flus f’idejhom u n-negozju tagħhom jibqa’ sostenibbli.
Wieħed minn dawn l-artiġjana, Johann Cassar spjega magħna kif din l-għajnuna se tiswih mitqlu deheb speċjalment wara tant sfidi fl-aħħar sentejn minħabba l-pandemija.
Qalilna wkoll li qed jistenna bil-ħerqa t-tlestija ta’ dan il-proġett.
Qal, “Hawn biċċiet minna hawnhekk li kważi trabbew hawnhekk, jiena wieħed minnhom u ifhimni, x’ħin jitlesta għandna nibdew nieħdu l-frott vera tal-Crafts Village kif għandu jkun.”
Bi tbissima qalilna kif għadda ż-żmien meta kien jaħseb li dan il-proġett qatt mhu se jsir.
Spjega, “Dan ilna iktar minn tletin sena dejjem bil-wegħdi. Issa dal-aħħar seba’ snin sar improvement kbir jiġifieri lanqas qatt konna nemmnu li qatt jista’ jseħħ.”
Il-Ministru Silvio Schembri qal li din l-iskema se tgħin biex l-artiġjana jibdew jirkupraw mill-investiment li għamlu fil-proprjetà tagħhom f’dawn l-aħħar snin u fl-istess waqt, jitħarsu l-impjiegi tagħhom u tan-nies li jħaddmu.
Qal, “Nagħtuhom dik il-flessibilità u l-likwidità tant neċessarja bħalissa meta kellhom nuqqas ta’ xogħol sabiex jerġgħu jqumu fuq saqajhom u f’dawn l-għaxar snin, il-focus tagħhom ikun primarjament biss fuq ix-xogħol tagħhom u ma jkollhom l-ebda inkwiet ieħor li jridu jaħsbu għalhekk għal darb oħra bħala Gvern qed ikunu ta’ spalla wkoll għall-artiġjana.”
Irrimarka li INDIS Malta qed tassisti wkoll lil dawk l-inkwilini tal-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta’ Qali li kellhom diffikultà biex jiżviluppaw il-proprjetà allokata lilhom, b’mod li anki huma jkunu jistgħu jaħdmu minn proprjetà denja għaż-żminijiet tal-lum.
Bis-saħħa ta’ din l-għajnuna, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq għaxar binjiet, filwaqt li dalwaqt mistenni jibda x-xogħol fuq għaxra oħra.