F’dawn l-aħħar seba’ xhur, minn meta twaqqaf uffiċjalment il-Police Counseling Unit, aktar minn mija u għoxrin uffiċjal tal-Pulizija ingħataw għajnuna psikoloġika.
Dan minħabba li għaddew minn trawmiet kemm fil-ħajja personali tagħhom u anki fuq il-post tax-xogħol.
Din it-taqsima twaqqfet f’April wara riċerka li għamel il-Korp, fejn inħasset il-ħtieġa li tingħata għajnuna psikoloġika lill-membri fil-Korp li jkunu ntlaqtu fil-laħam il-ħaj minn xi trawma traġika waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
L-Ispettur Edward Zammit li jmexxi din it-taqsima spjega ma’ ONE NEWS x’tip ta’ għajnuna qed joffru lill-pulizija biex jilqgħu għal dawn it-trawmi.L-Ispettur qal “Għandna l-aspett preventiv fejn noffru taħriġ lill-Pulizija sabiex nipprevjenu l-effetti tal-istress. Il-binarju reattiv fejn noffru counselling lill-Pulizija tagħna u t-tielet binarju huwa wieħed ta’ riċerka fejn inkomplu nsostnu r-relazzjonijiet li għandna mal-Universita ta’ Malta u m’aġenziji oħra li joffru appoġġ fejn tidħol is-saħħa mentali.”
L-appoġġ emozzjonali u s-servizzi ta’ counseling jingħataw mhux biss lill-membri tal-Korp, iżda f’ċertu ċirkostanzi anki lill-qrabathom.
L-Ispettur Zammit spjega numru ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal dawn it-trawmiet.
Hu qal “Hija kull esperjenza, kull sitwazzjoni jew investigazzjoni fejn ikun hemm il-Pulizija jiġi affaċċjat mal-mewt jiġifieri qed nitkelmu fuq omiċidji, suwiċidji jew xi mwiet oħrajn bħal inċidenti fatali, fejn il-Pulizija qed jiltaqa’ mal-mewt.”
L-Ispettur Zammit qal “Ninnutaw ukoll li xi minn daqqiet anki meta l-Pulizija jisfa’ aggredit waqt il-qadi ta’ dmirijietu jista’ kwoll ikollu konsegwenza li twassal għal trawma kif ukoll xi investigazzjonijiet li jinvolvu s-sesswalita xi sexual abuses investigations b’mod partikolari meta jkun hemm it-tfal involuti.”
Għalkemm dan għadu l-bidu, l-Ispettur Zammit stqarr li qed iħares ’il quddiem b’ottimiżmu għall-futur ta’ din it-taqsima.
Fil-pjani hemm hotline fuq bażi t’erbgħa u għoxrin siegħa kuljum għal uffiċjali li jkunu fi kriżi.
Dan filmkien mat-twaqqif ta’ Programm li jagħti taħriġ lil numru t’uffiċjali biex jgħarfu sintomi f’Pulizija kollegi tagħhom li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli; u jirreferuhom għal servizzi t’appoġġ.
L-ispettur Edward Zammit qal “Għandi ngħid li kien hemm feedback pożittiv ħafna mill-Pulizija. Qed japprezzaw li fl-aħħar il-Korp qed jifhem l-importanza li joffrilhom dan l-appoġġ u qed jgħidu li kif inhu mwaqqaf is-servizz f’dan l-istadju qed jilqa’ għan-neċessitajiet tagħhom. ”